Saturday, December 21, 2024

“Budget li jinvesti fl-istudenti u l-edukaturi b’allokazzjoni finanzjarja ta’ kważi €800 miljun”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’ qalet li dan il-budget jagħti importanza lill-istudent u l-edukatur u l-mod ta’ kif nistgħu nimxu ’l quddiem. Nefqa allokata b’investiment kapitali ta’ €93 miljun u nefqa rikorrenti ta’ €704 miljun li tfisser, aktar mid-doppju tan-nefqa tal-2012.

Caruana qalet li minkejja l-pandemija, stajna naraw l-iskejjel jerġgħu jiftħu għall-istudenti, liema skejjel baqgħu miftuħin u l-istudenti baqgħu javvanzaw fl-istudji tagħhom. 

Il-Ministru qalet li fl-2012, in-nefqa kapitali għal kull student kienet dik ta’ €560, filwaqt li dik prevista għall-2022 se tkun ta’ €1,670. Fl-2012 in-nefqa rikorrenti għal kull student kienet €5,800 u dik tal-2012 hija €12,645 għal kull student.

Il-Ministru qalet li l-investiment ma jiqafx fuq l-istudenti u l-edukaturi, iżda hemm investiment infrastrutturali fl-estensjoni, l-immodernizzar u tisħiħ komprensiv tal-bini. Il-Ministru qalet li proġetti kapitali f’Malta se jkunu qed jammontaw għal €150 miljun, filwaqt li f’Għawdex qiegħed isir investiment ieħor ta’ €50 miljun. Dan l-investiment jinkludi dak fl-arja kkundizzjonata, ambjenti aktar xierqa għat-tagħlim, provvista biżżejjed ta’ elettriku biex kull skola tkun tiflaħ il-konsum tal-elettriku għall-bżonnijiet moderni kollha u tissaħħaħ it-tekonoloġija diġitali.

Il-budget jinkludi wkoll investiment massiċ ta’ korsijiet għall-edukaturi biex ikomplu bit-taħriġ professjonali tagħhom. 

Tkellmet ukoll dwar miżura soċjali kbira fejn kull kap tal-iskola mill-kinder sas-sekondarja se jingħata għotja ta’ €10,000 fis-sena biex ikunu jistgħu jiġu allokati għal tfal vulnerabbli biex dawn ikunu jistgħu jimxu ’l quddiem bħal sħabhom l-oħrajn.

Il-budget jinkludi wkoll €1 miljun biex tonqos it-tensjoni fuq l-istudenti u b’hekk l-eżamijiet tas-SEC isiru fl-iskejjel fejn jattendu u b’hekk anke jonqos l-iskariġġ.

Barra minn hekk l-istipendji mhux biss se jkunu qegħdin jiżdiedu, iżda s-sigħat ta’ student li jaħdem waqt li jistudja se jiżdiedu minn 20 għal 25 siegħa biex aktar student jibqgħu għaddejjin bl-istudju tagħhom.

Il-Ministru qalet li ċ-childcare centres kollha se jkunu qed jindirizzaw il-bżonnijiet tal-familji għal ħinijiet itwal filgħodu, filgħaxija u anke s-sibtijiet.

“Dan huwa budget li huwa mimli miżuri soċjali, miżuri li minnhom qed jibbenefikaw il-familji, il-pensjonanti b’attenzjoni partikolari lill-istudenti biex tiġi vvalorizzata l-ħidma tal-edukaturi tagħna”, temmet tgħid Caruana.

Ekonomija

Sport