Tuesday, December 24, 2024

BUDGET LI SE JKOMPLU JIBNI FUQ STABBILITÀ

Aqra wkoll

Skont rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF), l-attività ekonomika globali kienet mbassra li tonqos minn 3.5 fil-mija fis-sena 2022 għal 3.0 fil-mija fis-sena 2023, 3.2 fil-mija fis-sena fl-2024 u issa huwa previst tkabbir globali ta’ 3.3 fil-mija fis-sena 2025.

Ninsabu proprju ġimgħa bogħod mill-budget għas-sena 2025. Budget li dan il-gvern se jkompli miexi fid-direzzjoni li qabad. Din hija direzzjoni ċar ħafna. F’pajjiżna, il-Gvern mhux talli raħħas it-taxxa fuq is-settur tal-enerġija, mhux talli żied l-għajnuna finanzjarja lill-familji li huma l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet, iżda għamel passi oħra lil hinn mill-pajjiżi l-oħra u assorba ż-żidiet kollha fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils.

Dan ifisser li l-Gvern refa’ l-piż kollu minn fuq kulħadd, kemm jekk int student, kemm jekk int ġenitur, kemm jekk int ħaddiem, kemm jekk int pensjonant, kemm jekk int taħdem għal rasek u anke jekk int sid ta’ negozju.

Dan għandu prezz għax għall-budget li se jkun qiegħed jitħabbar, il-Gvern se jalloka xejn inqas minn €460 miljun biex, fost oħrajn, ikompli jissusidja l-prezzijiet tal-enerġija u biex inaqqas il-piż tat-taxxi minn fuq il-ħaddiema. Il-Gvern se jkun nefaq kważi €931 miljuni f’temp ta’ tliet snin fuq sussidji biss.

Dan kollu biex kull Malti u Għawdxi ma jara l-ebda żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils u ċ-ċereali, qmuħ u għalf tal-annimali. Li kieku ma jingħatawx dawn is-sussidji, kieku wieħed jista’ jobsor kemm se jogħla l-prezz tal-fjuwil u l-enerġija. Fl-Italja hemm prezz tad-diżil li tela’ għal €1.91-il litru, waqt li f’pajjiżna huwa ta’ €1.21-il litru.

Jekk imbagħad nieħdu l-prezzijiet tal-enerġija naraw li kieku kellu jiżdied il-prezz tad-dawl għal kif qiegħed jinbiegħ bħalissa kieku l-kont tad-dawl biss mingħajr il-kont tal-ilma u ċ-charges jitla’ għal xejn inqas €822 f’sena, jiġifieri iktar mid-doppju.

Barra s-sostenibbiltà tal-ekonomija diġà robosta, punti saljenti proposti fil-Pre Budget Document li mistennija wkoll jingħataw prominenza fil-Budget 2025 huma l-finanzi pubbliċi b’miżuri, immodernizzar u pjan għal tisħiħ u salvagwardja; titjib fil-benesseri tal-kwalità tal-ħajja b’sostenn fost l-oħrajn fl-edukazzjoni fis-settur tax-xogħol għal soċjetà ġusta, sostenibbli u progressiva, is-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-anzjani.

Hemm ukoll il-ħidma għal infrastruttura sostenibbli b’investiment u diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija hekk kif id-domanda f’dawn l-aħħar snin baqgħet tiżdied, aktar investiment fl-infrastruttura tat-toroq għal mobbiltà aħjar
kif ukoll f’dik marittima, l-immaniġjar tal-iskart, fl-immaniġjar tal-ilma u proġetti fil-komunità. M’hemmx dubju li dan se jkun budget ieħor ta’ sostenn għall-poplu tagħna.

Ekonomija

Sport