Saturday, November 9, 2024

Birkirkara jsaħħu l-ewwel post tal-klassifika

Aqra wkoll

Gzira United ….0

Birkirkara ……..1

Minn Cristian Muscat

L-affarijiet għal Birkirkara qed jidhru sbieħ hekk kif partita wara l-oħra qed jikkonvinċu  bis-sħiħ u jkomplu javvanzaw fl-istil ta’ logħob tagħhom. Il-bie­raħ huma għelbu lil Gzira United bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex kisbu t-tmien rebħa konsekuttiva.

Kienet partita b’xi waq­tiet nervużi, li fiha Birkirkara amministraw tajjeb lill-avversarji u ftit li xejn tawhom ċans jiddettaw il-logħob tagħhom. Fost oħrajn reġa’ spikka Alex Satariano li reġa’ rriżulta bħala mutur f’nofs il-ground hekk kif qed ikollu staġun mill-aqwa.

Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta Alex Satariano ttanta xortih permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper ta’ Gzira, Justin Haber, attent, li salva bi bravura.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u meritatament fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara meta AGUSTIN SANDONA kellu l-ewwel xutt tiegħu imblukkat mid-difiża tal-Maroons biex mir-rebound spara ġewwa u tefa’ lill-partitarji numerużi Karkariżi f’delirju ta’ ferħ.

Gzira wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta l-captain Zachary Scerri kellu xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li ntemm ftit barra.

Fis-46 minuta Alex Da Paixao Alves dar tajjeb ma’ difensur avversarju qabel ra x-xutt tiegħu salvat bi bravura mill-goalkeeper Giacomo Volpe. 

Birkirlara wieġbu fit-58 minuta meta Alex Satariano għalkemm ippressat ba­qa’ jippersisti u t-tentattiv tie­għu ġie mdawwar f’corner.

Fit-82 minuta, il-Gżirjani fallew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Thaylor Aldama kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali salvat minn saqajn Volpe.

Tliet minuti wara, Kevin Tulimieri bir-ras falla minn taħt il-lasti.

GZIRA U.: 16-Justin Haber, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Joseph Minala (6-Andrew Borg 81), 5-Enrico Pepe, 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri (92-Kevin Tulimieri 63), 9-Marcelo Dias (11-Faysal Hassany 81), 18-Christian Saint Ebisindor, 20-Alex Da Paixao Alves, 23-Farid Romero Zuniga, 93-Thiago Espindola (17-Jurgen Pisani 46) – Coach: Andrew Cohen

BIRKIRKARA: 1-Giacomo Volpe, 3-Ignacio Morello, 5-Agustin Sandona, 6-Pablo Gainta, 8-Paul Mbong, 20-Alex Satariano, 24-Leandro Lacunza, 25-Neil Micallef, 30-Nathan Cross, 91-Maxuell Maia (99-Juan Siafa 80), 93-Gislain Yikpe   – Coach: Stefano De Angelis

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORER: A. Sandona 14 (B)

AMMONITI: J. Minala, E. Pepe, T. Aldama, G. Bohrer Mentz, F. Romero Zuniga, T. Espindola (G), L. Lacunza, P. Gaitan, M. Maia (B)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport