Dan huwa Budget ieħor minn Gvern Laburista li jkompli jwettaq miżuri importanti favur il-Maltin u l-Għawdxin. Budget li qed jieħu wkoll deċiżjonijiet importanti u li jara li min hu mistieden f’pajjiżna, jikkontribwixxi u jgawdi wkoll mill-inċentivi u għotjiet li joffri pajjiżna, wara li jkun ikkontribwixxa u sar long-term resident.
F’ċirkostanzi ta’ sfidi internazzjonali, Gvern Laburista seta’ jieħu l-aktar triq faċli, dik li jagħmel kif kienu jagħmlu Gvernijiet Nazzjonalisti u jissikkaw iċ-ċintorin. Però din mhix il-politika ta’ Gvern Laburista li ippreżenta Budget soċjalment b’saħħtu u li jħoss il-polz tan-nies.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Clifton Grima saħaq dwar l-importanza li l-investiment fin-nies ikun rifless f’titjib tal-wellbeing tagħhom. Huwa qal li l-ikbar investiment ta’ dan il-budget jibqa’ f’dawk l-aktar vulnerabbli. Il-Ministru Grima spjega kif minbarra it-tnax-il żieda konsekkutiva li Gvern Laburista qed jagħmel fil-pensjonijiet, aktar minn 7,000 romol se jkollhom żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom u li issa se jgawdu minn pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi. Huwa semma wkoll miżura oħra b’ruħ soċjali fejn mis-sena d-dieħla, adult li jitla’ għall-kura barra minn Malta, se jkollu l-ispejjeż ta’ adult ieħor li jkun qed jakkumpanjah koperti.
Il-Membru Parlamentari Romilda Zarb qalet li minbarra li dan il-gvern żamm is-sussidji, l-inċentivi u ż-żidiet kollha li ta matul is-snin, mis-sena d-dieħla l-ħaddiema kollha se jirċievu Super Bonus ta’ €1,000. Hija semmiet ukoll aktar miżuri soċjali li l-familji Maltin u Għawdxin se jkunu qed jibbenefikaw minnhom fosthom il-ħlas ta’ terapija għall-ulied b’diżabilità. Dan hekk kif l-ispejjeż kollha marbuta mat-terapiji meħtieġa għal tfal u żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena se jkunu qed jitħallsu mill-Gvern. Miżura oħra soċjali li se tkun qed tisaħħaħ is-sena d-dieħla hija dik tal-Carer’s Grant li issa se tiżdied bi kważi €2,200 biex tlaħħaq is-€7,500. Għalhekk dawn huwa Gvern b’ruħ soċjali li jkun miegħek u għalik, temmet tgħid id-Deputata Zarb.
