Il-Budget ta’ din is-sena huwa xhieda qawwija tal-impenn ċar li Gvern Laburista għandu biex iwettaq il-wegħdiet elettorali li bihom ingħata mandat storiku f’Mejju li għadda. Dawn il-miżuri se jkunu qed jitwettqu b’mod responsabbli, flimkien ma’ deċiżjonijiet li se jkomplu jagħtu direzzjoni ċara ta’ fejn irid imur il-pajjiż.
B’kuntrast ċar bejn iż-żewġ partiti, Gvern Laburista żamm kelmtu u se jkun qed jagħti s-Super Bonus kif imwiegħed, anke fi żminijiet internazzjonali diffiċli. Dan għad-differenza tal-Partit Nazzjonalista li kiser il-wegħdi tiegħu stess aktar minn darba meta kien l-aħħar fil-Gvern.
Gvern Laburista se jkompli jkun tarka għall-familji u n-negozji, li joffrilhom stabbiltà u serħan il-moħħ. Min-naħa l-oħra r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista turi biċ-ċar li l-Oppożizzjoni nieqsa mill-ideat, aspett li ħareġ ukoll mill-fatt li lanqas biss preżentat pre-budget document.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield qal li Gvern Laburista qed ikompli jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li jsostnu l-investiment. Huwa qal li dan huwa Budget li jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin quddiem sfidi internazzjonali kbar, filwaqt li min hu mistieden f’pajjiżna għandu jikkontribwixxi aktar għall-ġid komuni. Il-Ministru Bedingfield spjega kif il-miżuri li tħabbru lbieraħ se jkunu qed jingħaqdu ma’ dawk kollha li Gvernijiet Laburisti ħabbru tul is-snin. Fost dawn huwa semma l-gym b’xejn għaż-żgħażagħ, żidiet fiċ-children’s allowance, għajnuniet għal first-time buyers u ż-żiediet fil-pensjonijiet, it-12-il waħda konsekuttiva ta’ Gvern Laburista.
Il-Membru Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet dwar l-importanza ta’ dan il-budget li joffri serħan il-moħħ u stabbilta għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin. Hija qalet li Gvern Laburista se jkun qiegħed mal-Maltin f’kull sfida li jaffrontaw biex jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom l-aqwa opportunitajiet quddiemhom. Hija spjegat kif ġenituri b’żewġt itfal li għandhom dħul totali sa 60,000, is-sena d-dieħla se jibqgħalhom aktar minn €6,500 fil-but tagħhom bejn sussidji tal-enerġija, super bonus u żieda fit-tnaqqis tat-taxxa.
