L-assi ta’ Keith Schembri jibqgħu ffriżati wara li l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell tiegħu

Aqra wkoll

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kontra l-ordni ta’ ffriżar li nħarġet fuq l-assi tiegħu fl-2021.

Flimkien ma’ Schembri appellaw ukoll missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit.

Il-Qorti sabet li l-ordni ma kisritx id-drittijiet fundamentali tagħhom, u kkundannathom iħallsu l-ispejjeż tal-appell.

L-erbgħa kienu fost il-11-il persuna li tressqu l-qorti f’Marzu 2021 b’rabta ma’ €650,000 f’tixħim li Schembri allegatament ħallas lil Adrian Hillman, eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers. Il-pagamenti allegatament kienu marbuta mal-bejgħ ta’ magni tal-istampar lil Progress Press mill-Grupp Kasco.

Huma mixlija, f’isimhom u bħala rappreżentanti ta’ tnax-il soċjetà kummerċjali, b’ħasil ta’ flus bejn l-2005 u l-2019. Xi wħud minnhom huma mixlija wkoll b’assoċjazzjoni kriminali, frodi, korruzzjoni u falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Kollha jiċħdu l-akkużi.

Dak inhar stess, il-qorti ffriżat l-assi kollha tagħhom, u ħallietilhom biss €14,000 fis-sena.

Fl-2022 fetħu kawża kostituzzjonali, fejn sostnew li ma kellhom ebda mod kif jitolbu t-tneħħija tal-ordni sakemm jintemmu l-proċeduri kriminali.

Fl-affidavits tagħhom, tlieta minnhom iddeskrivew l-ordni bħala “drakonjana u unilaterali”.

L-Ewwel Qorti qablet li l-liġi ma kinitx tagħtihom mod kif jitolbu r-revoka tal-ordni, iżda qalet li ma ressqu ebda prova ta’ kif kienet qed tagħmlilhom il-ħsara.

Fix-xhieda tiegħu, Zammit qal: “Li tlabt tawhuli.” Schembri qal: “Allahares kelli nagħmel rikors għal kull ħaġa li kelli bżonn.”

Għalhekk, ma sabitx ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-Qorti Kostituzzjonali qablet. Qalet li ma kienx biżżejjed li l-ordni kienet ta’ inkonvenjent għalihom, għax “dan huwa l-effett inevitabbli tal-ordni tal-iffriżar”. Żiedet li l-appellanti talbu varjazzjonijiet “diversi drabi”, u li dawn intlaqgħu fejn kien ġustifikat.

Il-Qorti tat ukoll “massima importanza” lin-natura serjissima tar-reati. Jekk jinstabu ħatja, kull wieħed jista’ jeħel multa sa €2.5 miljun, apparti l-priġunerija.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Anthony Ellul u Robert Mangion.

L-Avukat Julian Farrugia deher għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-Avukati Mark Vassallo u Shawn Zammit dehru għall-appellanti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport