Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, għamlet l-ewwel żjara tagħha lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, fil-binja tal-Parlament f’Malta.
Matul il-laqgħa, ġew diskussi temi strateġiċi għall-Unjoni Ewropea, fosthom it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u l-aspirazzjoni ta’ pajjiżi differenti, ir-relazzjonijiet mal-Afrika, l-Ukrajna, is-sigurtà, u l-kompetittività ekonomika, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi, u l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jinfluwenzaw ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.
L-Ispeaker enfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiddefendi d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u d-dritt internazzjonali, filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tagħha. Huwa sostna li t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea għandu jibqa’ bbażat fuq riformi konkreti u r-rispett tal-valuri Ewropej. Huwa qal ukoll li jkun tajjeb jekk l-UE tagħti valur lis-sigurtà tal-istess Unjoni meta tkun qed tikkunsidra t-tkabbir tal-UE.
L-Ispeaker ta rendikont dwar il-ħidma tal-Parlament ta’ Malta u l-laqgħat bilaterali li kellu riċentement, filwaqt li saħaq fuq l-importanza tad-djalogu kontinwu u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament Malti u dak Ewropew.
Dwar l-Afrika, l-ispeaker saħaq fuq l-importanza ta’ sħubija bbażata fuq investiment sostenibbli, ħolqien ta’ impjiegi u kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ responsabbiltà kondiviża bejn l-Istati Membri.
L-Ispeaker sostna li Malta tibqa’ impenjata favur il-multilateraliżmu, id-djalogu u d-diplomazija parlamentari, filwaqt li enfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew biex isaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika u jiżgura li l-politiki Ewropej jirriflettu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, stiednet lill-Ispeaker għal żjara fil-Parlament Ewropew, filwaqt li saħqet fuq l-importanza li jissokta d-djalogu u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.
