Monday, November 4, 2024

B’Vizjoni għal Spazji Pubbliċi

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia

Aqra wkoll

“Irridu nkunu iżjed sensittivi għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd fil-mod kif nibnu l-ispazji pubbliċi tagħna. Sar ħafna xogħol fis-snin li għaddew imma nemmen li għad fadal triq twila biex pajjiżna jkun verament inklussiv u aċċessibli meta jiġi iddisinjat spazju”. Dan iddikjarah ma’ IT-TORĊA, Omar Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Ftit tal-jiem ilu f’konferenza fejn fiha anke attenda l-Prim Ministru, il-Public Works nieda viżjonii ġdida ta’ kif jitwettqu proġetti fl-lokalitá. Tispjegalna ftit x’inhu l-ħsieb warajha?

Is-Segretarju Parlamentari jwieġeb li “l-Public Works tagħmel xogħlijiet fil-komunitajiet permezz tal-Kunsilli Lokali u għaqdiet oħrajn. Il-messaġġ kontinwu li kelli mingħand Sindki u Kunsilliera kien li hemm wisq frammentazzjoni minn kif Kunsill jieħu s-sapport mill-Gvern. Jien kont Sindku tal-Imqabba u naf sew x’burokazija hemm fuq spallejn il-Kunsilli Lokali.

Allura li għamilna rriformajna l-proċess biex l-għajnuna li tingħata tkun waħda ċentralizzata u effiċjenti. Mela l-proċess amministrattiv ħa ħsiebu il-Public Works, il-ħsieb, id-disinn u l-viżjoni tal-proġett irid jiġi bih il-Kunsill. Tajna aktar poter u riżorsi lill-Kunsilli li joħorġu bl-ideat u jipproponu l-bidliet, mingħajr ma jġorru l-piiżijiet amministrattivi

Fil-konferenza infatti inti għidt “tibżgħux mill-bidla”, b’referenza għall-Kunsilli. Int iddikjarajt li qisu l-gvern irid li l-Kunsilli jiġu b’aktar proposti għal spazji miftuħa. ‘L hemmhekk sejrin?

Jgħidilna li “prinċipju ċar li l-Prim Ministru għamel referenza għalih numru ta’ drabi. Il-poplu hemm barra jrid iktar ftuħ u ambjent aħjar. M’hemm xejn xi jżommna milli nwettqu r-rieda tar-residenti. Naturalment hemm ħafna xogħol.

Rajna numru ta’ proġetti jitwettqu bħal tal-Mosta u l-Kalkara, u naħseb li aktar Kunsilli jridu jħarsu lejn dak il-kunċett. In-nies iridu spazji pubbliċi aħjar, aktar liberi u ftuħ għat-tfal. B’dan il-mudell li qed nipproponu, jista’ jitwettaq mill-Pubblic Works flimkien mal-Kunsilli Lokali. Naturalment, l-ewwel pass għal kull tip ta’ proġett, huwa l-konsultazzjoni mal-pubbliku.

Meta tgħid konsultazzjoni jiġifieri kunsens mingħand kulħadd?

Jgħid li “l-konsultazzjoni hija importanti għax meta jkun hemm tibdil jrid jiġi spjegat sew, speċjalment f’żoni li jistgħu jiġu impattati diversi oqsma. Nemmen ħafna fil-konsultazzjoni wiesa’ biex nifhmu l-ħtiġijiet u l-isfidi. Kif tista’ tgħid se żżid żona pedonali mingħajr ma tifhem il-kuntest u r-realtajiet?

Hemmhekk irridunaraw li nġibu l-kunsens, biex fejn hemm sfidi, jiġu mressqa ‘l quddiem soluzzjonijiet. Inħares ‘l quddiem li fix-xhur tas-sajf nressqu numru ta’ proposti minn diversi Kunsilli Lokali u nikkonsultaw mal-pubbliku. Hemm ħafna għatx mill-poplu għal din il-bidla lejn ambjent u spazji pubbliċi iiżjed miftuħa u nemmen x’jiġi propost se jintlaqa’ tajjeb.

Inti ġibt diversi eżempji fid-diskors tiegħek fil-konferenza, bħall-ibliet fil-Ġermanja u l-Olanda, fejn spazji pubbliċi jkunu ‘pedestrianised’ jew ‘car free’. Qed taraw dan il-kunċett?

Jgħidilna li “f’Amsterdam għandhom politika li jisimha autoluw. Dan huwa prinċipju fejn min qed jimxi jingħata prijoritá f’termini ta’ spazju fuq il-karozza. Policies li ilhom imwettqa snin. M’aħniex qed ngħidu xi ħaġa ġdida. Naħseb irridu nħarsu lejhom u nitgħallmu. Naħseb għandna riċerkaturi u akkademiċi ta’ stoffa f’dan il-pajjiż u jistgħu jagħtu kontribut. Id-disinn u l-mod kif jiġu strutturati l-ispazji huwa kruċjalii ħafna.

Hemm affarijiet oħra bħal materjal li qed jintuża u kif qed nagħtu prijoritá meta nibnu. Naħseb f’Malta, xi kultant, nidraw ftit template ta’ proċess, per eżempju kif issir bankina jew disinn ta’ spazju pubbliku parrtikolari, u tibqa’ tintuża għal snin u deċennji. Għalfejn ma narawx x’qed jiġri barra u anke permezz tar-riċerka, infasslu metidoloġiji aħjar jekk jeżistu?

Semmejt l-aċċessibilitá ftit ilu u anke fid-diskors aċċenajt għalih. Qed taraw xi bidliet fil-mod kif isiru l-bankini pereżempju ?

Jghidilna li “I-accessibiltà hija wiesa u m’ahniex qed nitkellmu biss għal anzjan jew persuna f’siġġu tar-roti. Irridu nkunu iżjed sensittivi għal ħtiġijiet ta’ kulħadd fil-mod kif nibnu l-ispazji pubbliċi tagħna.

Jekk hemm template ta’ metodu ta’ kif jinbnew l-ispazji u mhux adattat għad-dinja tal-lum, irridu nbiddluh. Sar ħafna xogħol fis-snin li għaddew, imma nemmen li għad fadal triq twila biex pajjiżna jkun verament inklussiv u aċċessibli meta jiġi ddisinjat spazju.

Sport