F’kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela wara li ntemmet l-attivita politika organizzata mill-Partit Laburista f’Dar il-Mediterra, qal li mhux se jkun qiegħed jaċċetta r-riżenja tal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se tinfetaħ amministrattiva, li hi differenti mill-Inkjesta Maġisterjali li nfetħet. Din l-inkjesta se tkun qiegħda tifetaħ biex tistabillixi l-fatti kollha.
Rajta l-offerta tar-riżenja tal-Ministru Camilleri. Hu magħruf għas-serjeta u b’mod professjonali ta’ kif jaħdem. Hu ma ngħata l-ebda ordni ta’ fejn inżammet id-droga u lanqas għandu x’jaqsam dwar kif din id-droga ma ġietx meqruda. Il-ministru kien estranju f’din id-deċiżjoni. Byron ħadem ħafna u ta riżultati fenominali.
Il-Prim Ministru qal li l-Ministru Camilleri baqalu ħafna u ħafna x’joffri lill-pajjiż.
F’kummenti lill-midja qal li diġa kkomunika din id-deċiżjoni mal-Ministru Camilleri filwaqt li aktar ‘il quddiem se jkun qiegħed iħabbar it-termini tal-inkjesta amministrattiva.
Qal ukoll li l-Brigadier tal-Armata ġie sospiża b’mod temporanju, minkejja li tenna li l-Brigadier O’Neill m’għandux x’jaqsam ma’ dan il-każ inkwistjoni.
Hu qal li hu m’għandux informazzjoni dwar jekk f’dan il-każ kien hemm uffiċjali tal-Armata mdaħħlin f’dan il-każ.
Aktar kmieni: Byron Camilleri, il-Ministru tal-Intern joffri r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru
Byron Camilleri, il-Ministru tal-Intern ħabbar li kien offri r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru dan wara li l-lejl li għadda kienet seħħet serqa minn kontejner mimili droga.
Il-Ministru Camilleri qal li “ftit tal-ġimghat ilu kont infurmat mis-Segretarju Permanenti li kien hemm talba mill-Aġenzija tal-Qorti biex minħabba tilwima industrijali u l-possibbiltà ta’ direttivi marbuta magħha fil-Port Ħieles, droga li nqabdet fil-Freeport tinżamm f’xi post tal-Ministeru għall-Intern. Jidher li din il-kwistjoni qamet għax id-droga li nqabdet, f’Ġunju 2024, parti minnha kienet għadha ma nqerditx.”
F’messaġġ fuq il-midja soċjali l-Ministru Camilleri qal li “is-Segretarju Permanenti nfurmatni li dwar dan kienet se titkellem mal-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta u minn hemm ‘il quddiem jien ma ġejtx infurmat (updated) iktar dwar l-eżitu tad-diskussjoni u l-konklużjoni li seta’ kien hemm. Sakemm dalgħodu kont infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija li minn container bi droga li kien qed jinżamm fi proprjetà tal-armata saret serqa.”
Hu ħabbar li kien talab minnufih spejgazzjoni lill-Brigadiet li dan qallu li din id-droga kienet f’container f’żona fejn kien hemm cameras u rondi kull tant ħin. Minkejja dan matul din il-lejl dan il-container kien sgassat u kien hemm serq minnu.
“Infurmat li dawk li kienu għassa ma rrappurtawx li kien qed ikun hemm xi movimenti suspettużi imma l-iskoperta tas-serqa saret waqt spezzjoni li kienet qed issir kultant ħin. Imbagħad kienu nfurmati l-Pulizija li min-naħa tagħhom bdew jinvestigaw l-akkadut taħt direzzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti,” kompla jikteb il-Ministru.
Ħabbar li kien talab lis-Segretarju Permanenti biex il-Brigadier tal-Armata jkun sospiż u dan sakemm ikunu stabbiliti ċari ċerti fatti, partikolarment jekk wara li ntlaqgħet din it-talba ttieħdux il-passi u l-prekawzjonijiet kollha kif suppost u skont is-sengħa.
Hu temm il-messaġġ tiegħu li kien tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela u offrielu r-riżenja tiegħu.
“Napprezza l-fiduċja kontinwa li kien hemm fija matul is-snin, anke b’Ministeru li kontinwament kiber fir-responsabbiltajiet. Anke jekk ma kelli l-ebda rwol fid-deċiżjoni u iktar u iktar l-implimentazzjoni tagħha, nemmen li l-irġulija hekk titlob. Qed nagħmel dan għax inħoss li dan hu każ serju, iżda qed nagħmel dan b’serenità kbira għax għalija l-ħajja pubblika dejjem kienet biss servizz lejn il-pubbliku.”