Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius iddikjara li hemm bżonn ta’ aktar miżuri mmirati biex il-bidwi nsaħħulu jdejh.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Dr Agius tkellem dwar diversi temi fosthom is-settur tal-agrikoltura u anke l-ħidma tiegħu bħala MEP matul din is-sena li waslet biex tintemm.
Bħala membru tal-Kumitat tal-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew, Dr Agius stqarr li mill-PE, irridu nibagħtu messaġġ ta’ kuraġġ lil dan is-settur u nimbuttaw aktar żgħażagħ biex jimirħu fih.
F’dan il-kuntest, huwa fakkar li kien innomina bidwi Malti għall-premju tal-EPP Young Farmers Award. Esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-proġett li ressaq il-bidwi żagħżugħ Ryan Portelli u l-Inġinier Chris Ciantar tant intlaqa’ tajjeb mill-MEPs u l-ġurija internazzjonali li spiċċaw biex rebħu dan il-premju.
L-MEP Agius qal ukoll li bħalissa qed jitkellmu ħafna il-Mercosur, li huwa ftehim mal-Amerika Latina biex jiftħu s-swieq, li fl-essenza tiegħu stqarr li hu tajjeb iżda jista’ jolqot lill-bdiwa b’mod ħażin jekk jibdew ġejjin ħafna prodotti minn dawk in-naħat.
Huwa tenna li jkollhom ħafna diskussjonijiet fuq il-genetically modified organisms filwaqt li vvota kontra ċertu liġijiet li jitfgħu aktar piżijiet fuq il-bdiewa bħalma huma dawk relatati mal-monitoraġġ tal-ħamrija.
“Tajna sinjal ta’ kuraġġ fil-biedja Maltija u ż-żgħażagħ fil-biedja. Irridu naraw li dawn in-nies inkomplu nagħmlulhom il-kuraġġ. L-istess lis-sajjieda,” tenna l-MEP Agius.
“L-akbar xogħol tal-MEP huwa li tifhem fejn hi Malta f’dan kollu”
Dwar il-ħidma tiegħu bħala MEP matul din is-sena, huwa qal li fl-2025 komplew jifhmu aktar il-mandat tagħhom kif iridu jwettquh u kif iridu jagħtu riżultati.
Huwa stqarr li kien attiv u biddel fejn kien hemm bżonn anke permezz ta’ emendi li ressaq. “L-akbar poter ta’ MEP huwa li għandu l-pinna tal-leġiżlatur. Jiena u sħabi jekk naħdmu bilgħaqal nistgħu nbiddlu l-liġijiet. Jiena ressaqt b’kollox madwar 145 emenda f’sena waħda. Ressaqt emendi f’dak li għandu x’jaqsam mal-public procurement… nemmen li hemm bżonn aktar trasparenza.”
Dr Agius qal ukoll li ressaq emendi fil-qasam tas-saħħa filwaqt li kien rapporteur fil-qasam tar-reklutaġġ tal-persunal u fil-qasam tad-diżabiltà. Huwa żied jgħid li fil-qasam tas-suq intern, kiteb riżoluzzjoni tal-PE dwar kif għandna nimbuttaw aktar l-istandardizzazzjoni Ewropea u l-prodotti Ewropej.
“Hawn ħafna xogħol ikun tekniku. Għalhekk irid ikollok nies tajbin ħafna li jafu s-sistema u dawn jagħmlu ħafna xogħol. Però mbagħad l-akbar xogħol tal-MEP huwa li inti tifhem fejn hi Malta f’dan kollu,” tenna l-Ewroparlamentari Nazzjonalista.
Huwa kompla jgħid li għalih m’hemm l-ebda kwistjoni li jqisha bħala “żgħira”. Tenna li dan l-aħħar kien hemm ġenituri li fost oħrajn avviċinawh u li esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li wliedhom jixorbu ħafna energy drinks u ma jafux hux qed jagħmlulhom tajjeb jew ħażin. Qal ukoll li kellmuh diversi familji fuq il-mediċini, b’dawn ikunu kwistjonijiet li għalihom huma ta’ interess akbar minn oħrajn.
“Trid tara min jiġi għandek xi bżonn għandu u tgħinu bl-aħjar mod. L-Ewropa trid tkun il-post fejn ngħollu l-istandards u naraw li ċ-ċittadin ħa dak l-istandard Ewropew. U għalhekk jien obbligat naġixxi f’isimhom.”
Finalment, mistoqsi dwar x’hemm ippjanat għas-sena 2026, l-MEP Agius qal li s-sena d-dieħla se tkun waħda impenjattiva u se tkun iddominata mill-gwerra fl-Ukrajna, il-Budget Ewropew għas-snin 2028-2034 flimkien ma’ liġijiet oħrajn. “Ċert li se tkun sena ta’ ħafna xogħol u għalhekk nawgura lil sħabi kollha ħidma kbira favur Malta u Għawdex,” temm jgħid l-MEP Peter Agius.

