“Bżonn li f’pajjiżna jkollna aktar serjetà u dixxiplina minn kulħadd kif ukoll infurzar mill-awtoritajiet.” Hekk kiteb id-Deputat Laburista Ray Abela b’referenza għad-deċiżjoni tal-Gvern dwar l-iscooters.
Sostna li ladarba dawn l-iscooters kienu qegħdin ikunu ta’ periklu fil-lokalitajiet u għaċ-ċittadini, u wara ħafna abbuż fit-toroq u l-bankini, “iva, il-pass li għamilna kien fid-direzzjoni t-tajba.”
Kompla jikteb li l-istess sar fuq il-liċenzji tal-Y-Plates u l-istess irid isir fuq il-politika tax-xogħol mill-barranin. “Aktar kwalità, serjetà u mhux kwantità,” qal id-Deputat Laburista.
Saħaq li hu dejjem qal li għandu jkollna riżorsa umana ta’ kwalità u li tirrifletti biss il-bżonnijiet tas-setturi fl-ekonomija tagħna.
“It-tkabbir ekonomika huwa tajjeb iżda jkun tajjeb aktar meta l-ħaddiema li jiġu jkunu kapaċi u fl-istess waqt dan l-istess progress iġib miegħu kundizzjonijiet u pagi aħjar għal ħaddiema kollha b’ mod speċjali u wisq aktar għal ħutna Maltin,” temm jgħid id-Deputat Laburista Ray Abela.️