Friday, November 22, 2024

BŻONN LI JITĦAFFU L-INVESTIGAZZJONIJIET DWAR L-IMWIET FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Is-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħalla vittma oħra fuq il-post tax-xogħol. Dan l-aħħar każ kien jinvolvi ħaddiem Albaniż ta’ 51 sena, missier ta’ sitt ulied, li fittex futur aħjar f’Malta iżda minflok dan sab il-mewt. Ma’ dan irridu nsemmu wkoll li fis-sentejn li għaddew diġa’ mietu 20 persuna fuq il-lant tax-xogħol tagħhom.

F’dan il-kuntest bilfors irridu nistaqsu x’inhu għaddej biex qed ikollna dawn il-fatalitajiet kollha. Hemm bżonn li wieħed jifli sew is-sitwazzjoni sabiex bħala pajjiż nippruvaw insibu soluzzjonijiet u nieħdu miżuri li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-imwiet u korrimenti fuq il-postijiet tax-xogħol.

Inkunu prużuntużi jekk ngħidu li l-fatalitajiet u l-korrimenti fuq il-lantijiet tax-xogħol mhux se jseħħu aktar. Kull xogħol fih il-perikli tiegħu. Iżda b’aktar tagħlim, edukazzjoni u attenzjoni mhux biss minn min iħaddem imma anke mill-ħaddiem innifsu nistgħu naslu biex il-fatalitajiet u l-korrimenti nnaqqsuhom sostanzjalment.

Ma nistgħux nibqgħu aktar niddependu fuq ir-regoli u l-liġijiet. Għalkemm dawn huma tajbin, però potenzjalment dawn jaf jinkisru għal xi raġuni jew oħra. Għalhekk kulħadd għandu jkun responsabbli biżżejjed biex jagħmel il-parti tiegħu għaliex kulħadd jista’ jkun vittma ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol.

Ikun jaqbel għal kull employer li jsegwi l-obbligi tiegħu biex il-post tax-xogħol tiegħu jkun ħieles mill-perikli. Dan billi kull korriment inaqqas il-produttività u l-effiċjenza tal-kumpanija nfisha. Apparti l-piż finanzjarju li jitfa’ fuq id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.

Filwaqt li s-settur tal-kostruzzjoni huwa primarju fejn jidħlu inċidenti fatali b’danakollu meta ngħidu dan ma nistgħux ninjoraw li l-maġġoranza tal-korrimenti jsiru f’postijiet tax-xogħol lil hinn mill-kostruzzjoni, fosthom fabbriki tal-manifattura u intrapriżi oħra.

Filwaqt li naqblu mal-miżuri u r-riformi kollha li saru u li qed isiru, ninsistu fuq ir-rinforzar biex il-liġijiet jiġu segwiti kif xieraq. Għalhekk kienet f’lokha l-miżura li jiddaħħlu skills cards bil-għan li jkun assigurat li dawk li jiġu afdati b’xi biċċa xogħol ikollhom il-kapaċita’ kollha li jwettqu dak mistenni minnhom mingħajr periklu għalihom u għal ħaddieħor. Dan għaliex kull mewta hija traġedja u tħalli effetti trawatiċi fuq il-qraba tal-vittmi.

Għalhekk naqblu mal-insistenza tal-Prim Ministru biex l-investigaturi jwettqu xogħolhom malajr kemm jista’ jkun ħalli tittieħed azzjoni immedjata wara l-inċident fatali tas-Sibt li għadda.

Sport