Saturday, December 21, 2024

“Bżonn li l-ġustizzja tħares lin-nisa u lit-tfal”

Il-Parlament Ewropew jitlob protezzjoni kontra vjolenza li sseħħ fi kwistjonijiet ta’ kustodja u dritt tal-aċċess

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew saħaq fl-urġenza li nisa u tfal ikunu protetti minn vjolenza li sseħħ fi kwistjonijiet ta’ kustodja u dritt ta’ aċċess. Dan wara żieda fin-numru allarmanti ta’ femminiċidji u infantiċidi li ġew irrapportati kawża ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. F’każi ta’ dan it-tip il-Parlament Ewropew qal li l-vittmi għandhom bżonn ta’ aċċess għal protezzjoni legali, sostenn finanzjarju u akkomodazzjoni ta’ emerġenza.

“Il-vjolenza minn sieħeb intimu hija problema soċjali serja u ħafna drabi moħbija, li tikkawża trawmi fiżiċi u psikoloġiċi. Din għandha konsegwenzi serji fuq il-vittmi fejn tħalli impatt qawwi emozzjonali, ekonomiku u fuq il-benesseri ta’ familji sħaħ. Nikkundannaw bil-qawwi kull forma ta’ vjolenza domestika u vjolenza kontra n-nisa. Nitolbu biex l-awtoritajiet jiżguraw li, u dan b’mod speċjali fi proċeduri ta’ separazzjoni u kwistjonijiet dwar il-kustodja, il-ġustizzja tħares lin-nisa u lit-tfal,” saħqet il-co-rapporteur Luisa Regimenti.

Il-Membri ta’ dan il-Parlament qalu li kwistjonijiet ta’ kustodja ta’ minuri huma forma ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru meta wżata minn sieħeb vjolenti li jibqa’ jagħmel ħsara lill-vittmi tiegħu. 

B’maġġoranza assoluta ta’ 510 voti favur, il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) għamlu talba urġenti biex fi kwistjonijiet ta’ kustodja, il-pajjiżi membri jieħdu azzjoni u miżuri li bihom jipproteġu lill-vittmi minn sieħeb intimu vjolenti. 

Ir-rapport juri żieda fil-każijiet ta’ vjolenza minn sieħeb intimu tul il-pandemija tal-Covid-19, kif ukoll id-diffikultajiet li sabu ma’ wiċċhom il-vittmi biex ikollhom aċċess għas-servizzi ta’ support u għall-ġustizzja. Barra minnhekk, l-istess dokument talab biex il-“vjolenza bbażata fuq il-ġeneru” tiżdied mal-lista tal-atti kriminali taħt l-Artiklu 83 tal-TFEU.

Protezzjoni fl-aħjar interess tat-tfal bi preċedenza fuq kull kriterji oħra

Il-Parlament Ewropew enfasizza fuq il-fatt li hemm żieda fi qtil ta’ nisa u tfal wara li ommijiet irrapportaw sitwazzjonijiet ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Il-Membri Parlamentari enfasizzaw li, “għandu jkun hemm protezzjoni tan-nisa u t-tfal minn vjolenza fl-aħjar interess tat-tfal u din għandha tingħata preċedenza fuq kull kriterji oħra meta jkunu stabbiliti arranġamenti għall-kustodja u għad-dritt tal-aċċess”.

Jingħad li meta jkunu eżaminati l-kwistjonijiet ta’ kustodja, it-tfal għandhom ukoll jingħataw l-opportunità li jitkellmu u f’każi fejn is-sieħeb huwa ssuspettat vjolenti, is-smigħ għandu jsir f’ambjent adattat għat-tfal minn professjonisti mħarrġa fil-qasam.

“Tfal li jesperjenzaw vjolenza domestika għandhom ikunu rikonoxxuti bħala vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Dawn għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni legali aħjar, kif ukoll minn sostenn psikoloġiku,” iddikjaraw l-MEPs.

Ir-rapport jgħid li dħul adegwat u indipendenza ekonomika huma fatturi kruċjali li jgħinu lin-nisa biex joħorġu minn relazzjonijiet abbużivi u vjolenti. L-MEPs hawnhekk talbu lill-istati membri biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi biex jiksbu indipendenza finanzjarja permezz ta’ aċċess għal akkomodazzjoni, servizzi tas-saħħa, trasport u sostenn psikoloġiku fost l-oħrajn.

L-istess Membri tal-Parlament Ewropew talbu garanzija ta’ protezzjoni legali adegwata, smigħ effettiv, ordnijiet ta’ protezzjoni, shelters, kif ukoll fondi u servizzi ta’ counselling għall-vittmi.

Il-co-rapporteur Elena Kountoura qalet li l-Parlament qiegħed jgħaddi messaġġ ċar biex jittieħdu miżuri deċisivi u konkreti biex tkun indirizzata b’mod effettiv il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fl-Unjoni Eworpea. Kountoura temmet tgħid li, “dan ir-rapport progressiv huwa pass ‘il quddiem lejn it-tisħiħ ta’ sistema ġusta favur in-nisa u t-tfal li huma vittmi ta’ sieħeb intimu vjolenti. Għall-ewwel darba m’aħniex biss niffokaw fuq in-nisa abbużati, imma anke fuq il-konsegwenzi serji li tħalli fuq it-tfal din it-tip ta’ vjolenza ”.

Ekonomija

Sport