Min-naħa tiegħu d-Deputat Laburista Ray Abela qal li Bla dubju il-mezzi tal-midja soċjali kif ukoll it-televiżjoni jibqgħu l-aqwa mezz ta’ marketing. L-espożizzjoni tal-prodott turistiku tagħna għandu jkompli jiġġedded u jkopri l-pjattaformi tal-midja soċjali, mhux biss dawk li huma ovvji bħal Facebook u Instagram, iżda jinkludi wkoll Twitter, TikTok, Messenger, Snapchat, Pinterest u Youtube. Pjattaformi oħra bħal Booking.com, trivago, kayak, tripadvisor, Airbnb, Expedia, edreams u Google Trips huma fost l-aqwa siti u apps abbinati mas-settur tal-ivjaġġar fuq livell mondjali, u saħaq li hawnhekk jeħtieġ li jkollna preżenza akbar.
Abela sostna dwar il-bżonn li jkun hemm titjib fil-kwalità u l-kwantità tar-riżorsa umana fis-settur tal-ospitalità. Qal ukoll li għandu jkun hemm pjan konkret biex ħaddiema barranin fis-settur jingħataw programmi ta’ taħrig kif ukoll fl-integrazzjoni, fil-lingwa Maltija kif ukoll fil-kultura ta’ pajjiżna. Dan għandu jwassal biex programmi ta’ taħriġ relevanti għall-ħaddiema li jaħdmu fis-settur ikunu rikonxxuti u jwasslu għall-iskill cards li jirrikonoxxu l-ħiliet ta’ kull ħaddiem; biex b’ hekk ikollna qafas regolatorju u rikonoxxut tal-ħilijiet fis-settur.
Dwar l-istaġun tas-sajf l-għawm, id-Deputat Laburista Ray Abela qal li pajjiżna jrid jinvesti aktar fuq l-aċċessibbiltà tal-bajjiet tagħna kif ukoll ikompli jaħdem fuq livell ambjentali biex aktar bajjiet ikunu rikonoxxuti bħala blue flag. Sostna li dawn il-bajjiet għandhom ikunu mgħammra b’faċilitajiet u siguri għall-għawwiema.
Kompla jsaħħaħ l-argument tiegħu li għamel fl-aħħar jiem dwar il-fatt li pajjiżna ma għandu l-ebda bajja fin-naħa t’isfel li hija rikonoxxuta bħala Blue flag, Abela qal li hemm ħafna xogħol li għad irid isir. Sostna li ħafna minn dawn il-bajjiet għadhom neqsin mill-aċċessibbiltà kif ukoll neċessitajiet bażiċi ta’ konvenjenza pubblika, showers, u faċilitajiet oħrajn.
“Nemmen li bajjiet bħall-Fajtata, limiti ta San Tumas ġewwa Marsaskala, il-Munxar, Ras il-Miġnuna, Dellimara, Birżebbuġa, Wied iż-Żurrieq u bajjiet oħra għandu jsir sforz akbar fihom biex ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti”, żied jgħid Abela
Filwaqt li faħħar il-ħafna xogħol li qiegħed isir, Abela temm isostni dwar il-bżonn li pajjiżna jkompli jżid u jferrex aktar l-investiment tiegħu biex filwaqt li jgawdu l-familji Maltin u Għawdxin, tiżdied l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-prodott turistiku li noffru.