Proprju ftit taż-żmien ilu, ħaddiem fl-aħjar ta’ ħajtu u li ma kien ibati mill-ebda kundizzjoni partikolari ħalla ħajtu fuq il-post tax-xogħol. Kienet mewta b’mod naturali. Il-ħaddiem mar għax-xogħol b’mod normali biex jaqla l-ħobża ta’ kuljum tiegħu. Sar il-ħin li jirritorna d-dar iżda dan ma sarx. Kien normali li meta jkun se jittardja jinforma. Martu bdiet tipprova tagħmel kuntatt iżda beda jirriżulta fin-negattiv. tTħassbet u għamlet kuntatti mal-kollegi tiegħu li ma kinux xogħol. Peress li fuq il-post tax-xogħol ma kien hemm ħadd xogħol għajr dan il-ħaddiem u peress li t-telefonati ma bdewx jitwieġbu, sħabu marru fuq il-post tax-xogħol. Hemmhekk sabu daqt li qatt ma mmaġinaw. Seħibhom kien bla ħajja. Jidher li kien ilu diversi sigħat.
F’pajjiżna bil-mod il-mod qiegħed jiżdied il-fenomenu fejn ħaddiema jispiċċaw ikunu waħedhom fuq il-post tax-xogħol. Hemm diversi firxa ta xogħlijiet fejn fi ġranet partikolari, ħaddiem jispiċċa jkun xogħol waħdu.
Sidien ta’ postijiet tax-xogħol qegħdin iħaddmu aktar dan il-kunċett li ħaddiem ikun waħdu għax qegħdin jaraw li jżid il-produttivitá, itejjeb il-flessibilità ujnaqqas b’mod qawwi l-ispeejż ta’ dik l-azjenda partikolari.
Minkejja dan kien hemm sitwazzjonijiet barra minn Malta fejn ħaddiema spiċċaw fi traġedja minħabba ċirkostanzi differenti.
Nemmnu li l-każ li kellna f’pajjiżna ftit ilu, għandu jwassal biex tkun aktar kuxjenza u dan biex tkun salvagwardjata il-ħajja tal-istess ħaddiema. L-ewwel mistoqsija li għandna nagħmlu hi dik ta’ xi tfisser li ħaddiem ikun qed jaħdem waħdu. B’ħaddiem li qed jaħdem waħdu qed nifhmu dak il-ħaddiem li jkun qed jagħmel xogħlu mingħajr l-appoġġ dirett u immedjat ta’ kollegi jew tas-superjuri tiegħu.
Quddiem din ir-realtà nemmnu li għandu jkun hemm proċeduri f’kull post tax-xogħol li jagħmlu assessjar tar-riskji għall-ħaddiema li jkollhom jaħdmu waħidhom. Jekk ir-riskji f’dak il-post ikunu għoljin, allura għandhom jittieħdu l-miżuri biex jew jitnaqqsu ir-riskji jew inkellma ma jkunx permessibbli li ħaddiema jitħallew jaħdmu waħidhom.
Nemmnu li apparti li jkun dan l-assessjar li dak li jirrizulta ikunu komunikat mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, hemm bżonn li fejn ħaddiema jaħdmu waħidhom ikun hemm policy b’linji gwida biex l-istess ħaddiema jifhmu ir-riskji u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu meta jiffaċċjaw sitwazzjoni ta riskji.
Ma’ dawn hemm pass ieħor importanti li jrid jittieħed. Dan hu dak tal-monitoraġġ. Dan hu importantissima biex is-sigurtà ta’ ħaddiema li jkunu waħidhom tkun imħarsa. Prattikament dawn huma sistema li meta l-ħaddiema ikun f’diffikulta, mhedded jew minħabba l-kundizzjoni ta saħħtu ikunu jista’ jagħti l-allarm.
F’pajjiżna kemm qegħdin inħaddmu dawn il-prattiċi fejn jidħlu ħaddiema waħidhom? Jiddispjaċina ngħidu li hawn postijiet li m’għandhom xejn minn dan.
Jiddispjaċik li ħaddiem, jagħmel sigħat bla ħajja fuq post tax-xogħol, u dan għax kien waħdu u għahekk ħadd ma seta’ jinduna. Sitwazzjonijiet simili huma inaċċettabbli. Nemmnu li f’pajjiżna għandna nibdew niddiskutu kif dawn il-postijiet tax-xogħol se jkun aktar siguri għal dawn il-ħaddiema, ewlenin fosthom billi jkun hemm sistemi ta’ allarm li jinformaw meta jkunu f’riskju.
Nittamaw li min suppost jara x’inhu għaddej u x’qed jesperjenzaw il-ħaddiema li jaħdmu waħidhom, jara li jibdew jitpoġġew proċeduri u infurzar xieraq biex nipproteġu lil dawn il-ħaddiema.