Saturday, December 21, 2024

“Bżonn ta’ iżjed kuxjenza għax is-suwiċidji mhux fil-ħabs biss isiru”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-priġunier jista’ jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet ta’ ħajja ġdida ladarba jiskonta s-sentenza

B’reazzjoni għall-ewwel parti tal-intervista ma’ eks impjegata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ħafna kienu dawk li staqsew x’inhi l-pożizzjoni tagħha rigward il-fatt li żdiedet ir-rata ta’ suwiċidju fil-ħabs. L-eks impjegata għamlitha ċara li mingħajr ma’ tidħol personali għax kulħadd għandu l-istorja tiegħu, is-suwiċidju huwa suġġett delikat li fil-midja sfortunatament qed nisimgħu ħafna qanpiena waħda minnu. 

“Is-suwiċidju fil-ħabs sfortunatament qiegħed jispiċċa fuq quddiem fejn jidħlu aħbarijiet, bla ma nagħtu importanza dwar  l-għajnuna offruta li teżisti għal dan in-nies. Jeżistu anke nies barra mill-ħabs li jagħżlu li jtemmu ħajjithom u dawn fil-midja ħafna drabi ma jissemmewx. Is-suwiċidju ħafna drabi huwa riżultat tal-fatt li l-individwu ma’ jagħrafx jirrikonoxxi l-fatt li jista’ jdawwar ir-rotta u li l-esperjenza fil-ħabs idawwarha f’opportunità biex jirriforma ruħu. Rajt b’għajnejja stess nies li mill-ħabs ħarġu biċ-ċertifikati u għalkemm fuq barra ftit jinstemgħu dawn l-opportunitajiet, hemm ġew tista’ titgħallem affarijiet ġodda, tieħu korsijiet edukattivi, jew tagħlim ta’ snajja fost affarijiet oħra. Biex dan iseħħ, persuna trid turi l-volontà U ġġib ruħha tajjeb u taċċetta li tikkollabora u fuq kollox tiddeċiedi li matul il-perjodu t’hemm ġew taċċetta li tibda paġna ġdida”, spjegat ma’ dan is-sit.

YouTube video

Meta mitluba tikkummenta dwar x’inbidel aktar fl-aħħar snin, hi qalitilna li qabel il-priġunieri kienu aktar moħħhom kif se jiddubbaw xi daqsxejn droga għax sakemm ma jokkupawx ruħhom, moħħhom kien jibqa’ jaħseb fuq dak li kienu mdorrijin jagħmlu barra. Meta bniedem jinħakem mid-dipressjoni hemm riskju kbir li dan idur għall-vizzji; kemm ġewwa l-ħabs kif ukoll fuq barra. Żiedet tgħid li għalhekk importanti li wieħed jara kif jokkupa ruħu fil-ħabs billi jistudja jew jaċċetta xi opportunità ta’ xogħol. Jekk stess l-individwu jdaħħal f’rasu li ma baqagħlux żmien jistudja, hemm librerija b’kotba li jistgħu jinqraw anke bħala mogħdija tal-ħin. Irrakkontatilna mill-esperjenzi tagħha hemm ġew li qabel l-opportunitajiet kienu inqas mil-lum u l-priġunieri ma kinux jaħsbuha darbtejn biex jaqilgħu xi ġliedha u jferu lil xulxin b’armi ivvintati mill-priġunieri stess. Mal-ewwel ġranet tiegħu fit-tmexxija tal-post, il-Kurunell Dalli elimina dan il-periklu hekk kif minn tfittxijiet li għamel irnexxielu jikkonfiska ammont konsiderevoli ta’ armi. Iżda x’nifhmu b’armi fil-ħabs? Armi fil-ħabs mhumiex neċessarjament xi senter jew sikkina, il-priġunier hemm ġew ikollu ħafna ħin jaħseb u fost ħsibijiet ta’ dispjaċir għal żbalji li jkunu saru, tinħoloq rabja interna li twassal biex jiġu vvintati armi “litteralment b’li jsibu”. Fost dawn l-armi ssib xi vit li jkun inqala’ u jitwaħħal ma’ xi biċċa njama. “Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ kif minn sempliċiment biċċtejn affarijiet bażiċi tinħoloq arma li fi ġlieda faċilment kienet tara persuni jindarbu. Każ partikolari li jiġini f’moħħi kien meta priġunier kien wasal biex joħroġ wara li kien skonta s-sentenza tiegħu u waqt ġlieda li nqalgħet fil-post, spiċċa tilef għajn minnhom. Allura nerġa’ nistaqsi, dan huwa dak li jridu li jerġa’ jibda jiġri n-nies ta’ barra?”

Rigward jekk taħsibx li hemm assistenza psikoloġika adattata fil-post, hi qalet ma’ Talk.mt li fil-ħabs hemm professjonisti li kapaċi jgħinu lill-priġunieri jifhmu aħjar lilhom infushom li tkun l-ewwel tarġa biex huma jibdew jirriformaw ruħhom. Dawn il-Psikologi u Psikjatri fuq bażi full time kapaċi jikkonslaw lil dawk il-priġunieri li jħossu toqol bħalma hija d-dipressjoni u assistenza adekwata li jaqbdu jaqtgħu qalbhom li jistgħu jinbidlu. 

“Ovvjament, sentenzi twal hemm ġew bilfors li xi darba jew oħra priġunier jibda jaqta’ qalbu u jgħaddulu ħsibijiet koroh. Għalkemm kien hemm min iġġudikani għax għażilt li nibqa’ anonima għax wara kollox jiena familja għandi d-dar, hemm ħabsin li kellmuni wara li skontaw is-sentenza u li jien lanqas kont nagħraf, li qaluli li s-sigriet biex jegħlbu t-toqol tal-ħsibijiet kien li kull ġurnata li tgħaddi jarawha bħala pass eqreb lejn il-libertà. Inutli jinħakmu minn rabja interna għall-Kurunell jew għal ħaddiema oħrajn fil-ħabs għax wara kollox is-sentenza tagħhom tkun inħarġet mill-Qorti skont ir-reat li jkunu wettqu.”

“Kien hemm min ma kienx kapaċi jikteb ismu u ħareġ bl-O levels mill-ħabs”

Eks impjegata fil-ħabs

Tlabna r-reazzjoni tagħha rigward allegazzjonijiet li fil-ħabs hemm priġunieri li jitolbu biex jagħmlu xi forma ta’ xogħol u ma jitħallewx jagħmlu dan. Hawnhekk hi spjegat li għalkemm tinsab ċerta li se jkun hemm min jiġġudikaha u jirribatti li din il-mara tara kollox tajjeb fil-ħabs, żgur li ma jistax jingħad li fil-post kollox huwa ħażin kif ġie allegat. 

“Biex nuża isem fittizju jien ġieli rajt lil Raymond pereżempju li meta l-Kurunell Dalli mar fuqu u qallu jekk kienx kollox sew u dan Raymond b’nofs qalb qallu li xtaq kieku jagħmel xi ħaġa, id-Direttur jisstaqsih xi xtaq jagħmel u dan il-priġunier jirrispondih li b’kollox jikkuntenta basta jimla l-ħin. Imbagħad id-Direttur joffrilu xi xogħol ta’ tibjid fost xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni li jistgħu jsiru mill-priġunieri. Dan l-inkarigu jimla lill-priġunier b’entużjażmu u l-għada arah iqum kuntent li hu kien sab kif jimla l-ħin u fl-istess waqt jaħdem. Fl-istess waqt filgħaxija jkun għajjien u jistrieħ biex filgħodu jkompli fejn ħalla biex joħroġ ta’ nies għar-responsabbilità li jkun ingħata. Opportunitajiet bħal dawn ibiegħdu lill-priġunier mill-ħsibijiet tad-dipressjoni u agħar minn hekk oħrajn li jistgħu jkunu aktar gravi u jwasslu lill-priġunier biex jasal fl-estremità li jtemm ħajtu”, spjegatilna.

YouTube video

Esperjenza oħra milli tiftakar kienet il-fatt li priġunieri jaħdmu fuq barra. Is-Sur Dalli nnifsu kien jagħmel mezz biex il-priġunieri jitwasslu  lejn il-post tax-xogħol u anke jara li jipprovdilhom xi ħaġa x’jieklu għal waqt il-ġurnata u jara li jinġabru fil-ħin biex jirritornaw lura fil-Faċilità aktar tard filgħaxija. Fost dawn ix-xogħolijiet fuq barra jinkludu dawk fil-komunità, mal-Kunsilli Lokali, tindif fl-iskejjel, ġardinara mal-ELC, fil-kċina tal-President u f’santwarji tal-annimali, fost l-oħrajn.

Fejn jidħol il-livell edukattiv, hi elaborat li taf personalment priġunieri li meta daħlu l-ħabs bilkemm kienu kapaċi jħarbxu isimhom fuq biċċa karta u hemm ġew spiċċaw għamlu eżamijiet bħalma huma l-O levels u kisbu ċ-ċertifikati. Priġunieri oħra kienu fost dawk li marru jitħarrgu snajja fl-MCAST u minflok raw kif jaħlu ħinhom huma u jiskontaw is-sentenza, ħargu mill-ħabs ċertifikati u bi snajja bħalma huwa electritian.

“Imma n-nies jistaqsu, din l-impjegata kollox tajjeb kienet tara? Ma nahsibx li f’post bħalma huwa l-ħabs se ssib kollox tajjeb, li jiena ċerta minnu hu l-fatt li hemm ġew min juri rieda tajba li verament jixtieq jibdel ħajtu għall-aħjar se jsib opportunitajiet li jgħinuh jimxi ’l quddiem.

Rigward il-fatt li taħt dan id-Direttur żdiedu l-imwiet kawża ta’ suwiċidju, din il-persuna rrimarkat li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qabel l-2013 kienet tokkupa madwar 500 priġunier. Illum dawn żdiedu b’aktar minn 300 priġunier. 

“Dan il-fatt iżid waħdu l-probabbilità ta’ żieda fir-rata ta’ suwiċidju fost persuni li kollha għandhom l-istorja tagħhom li tibqa’ titfagħhom fil-passat xejn sabiħ tagħhom b’mod speċjali l-iżball li jkun wassalhom biex jinstabu ħatja. Id-Direttur preżenti qed jagħmel minn kollox biex jaħdem fuq in-nuqqasijiet li sab u jipprova jibni struttura denja għall-individwi li hemm residenti fil-ħabs b’opportunitajiet diversi. Sta għall-individwu mbagħad jekk dawn l-opportunitajiet jaċċettahomx jew le għax bħalma nghidu tista’ tressaq iż-żiemel lejn l-għajn, iżda ma tistax iġġiegħlu jixrob”, temmet l-eks impjegata.

L-intervista tkompli…

Ekonomija

Sport