Tuesday, April 23, 2024

INVESTIMENTI EWROPEJ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Essenzjalment, in-nefqa tal-Unjoni Ewropea tikkonsisti f’impenji ta’ investiment għal proġetti li b’mod jew ieħor itejbu t-tmexxija tas-suq wieħed Ewropew. Kif jitqassmu dawn il-fondi bejn l-istati membri — li wara kollox qed ikunu l-istati stess li jikkontribwixxu għalihom — jiġi determinat bi kriterji li rriżultaw minn snin ta’ prattika, ta’ negozjati u ta’ żviluppi fil-prioritajiet Ewropej.

Biż-żmien, daħlu kriterji ta’ natura soċjali; qabel fatturi ekonomiċi, finanzjarji u politiċi kienu jiddominaw it-tqassim. Imbagħad l-ambjent daħal fl-istorja b’forza li baqgħet titqawwa. Illum — hekk kif il-bidla dinjija fil-klima saret materja għal tħassib kbir — il-kriterji ħodor daħlu f’kull qasam ta’ kif jitħejjew u jiġu deċiżi l-investimenti.

Ilu ħafna, l-oqsma tal-agrikoltura u tal-industrija kienu jixorbu l-akbar parti mill-fondi ta’ investiment Ewropej. Illum ikollhom jitħabtu sew biex ma jitilfux aktar mill-parti iċken tal-kejk finanzjarju u biex jirnexxilhom, l-investimenti proposti fihom iridu jiġu ċertifikati li se jkunu ta’ ġid għall-ambjent, inkella jinqabżu.

BIT-TIENI LEĦEN

Jidher li fil-partit tal-Oppożizzjoni, daħal l-għarfien fl-aħħar li qed ikunu wisq negattivi fuq kollox. Donnhom kienu ddeċidew li b’hekk biss setgħu jżommu l-qalba ta’ l-appoġġ tagħhom. Li rnexxielhom jagħmlu iżda kien li żammew qrib l-aktar ta’ dawk il-membri tal-elites soċjali li mingħalihom huma biss għandhom dritt imexxu l-pajjiż. 

Fl-aħħar il-mexxejja tal-Oppożizzjoni fehmu li kien jeħtiġilhom jippreżentaw narrativa li tiftaħ perspettiva siewja fuq il-futur. Il-problema issa saret li tant waqgħu lura f’dil-ħidma li qed ikollhom jagħmlu ħafna proposti f’salt u fl-istess ħin jagħtu spazju fejn jidhru l-kandidati tagħhom għall-elezzjoni riesqa. Din hi proċedura zoppa li fil-firxa tagħha, timmina kull sens ta’ xi viżjoni ġdida koerenti.

Sadattant il-kampanja negattiva tħalliet f’idejn nies tat-tieni diviżjoni li baqgħu għaddejja b’artikli u mutetti li aktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, x’aktarx qed jispiċċaw idejqu u jberrdu lin-nies.

20 SENA ILU

Għoxrin sena ilu, il-World Trade Centre fi New York kien il-mira ta’ attakk terroristiku spettakolari u qerried. Bl-istess mod ġew attakkati żewġ binjiet strateġiċi tal-Istati Uniti. Forsi daqs meta xterdet l-aħbar li l-President Kennedy ġie assassinat, kulħadd jew kważi jiftakar fejn kien meta ġrat il-ġrajja. Qajmet konfużjoni mad-dinja kollha.

Jien kont qed nattendi konferenza parlamentari f’Ougadougu, kapitali tal-Burkina Faso fl-Afrika tal-Punent. Il-konferenza twaqqfet u tħassret minnufih. Ħafna mil-linji tal-ajru ssospendew it-titjiriet u l-Burkina Faso f’daqqa waħda sfat iżolata għal kollox.

Il-gvern Taljan bagħat ġett tal-militar biex iġib id-delegazzjoni parlamentari Taljana lura. Ġentilment, offrew passaġġ lid-delegazzjoni Maltija u l-għada tal-attakk wasalna Ruma b’titjira diretta. 

Sport