Monday, November 2, 2026
Home Bloggers ĦADDIEMA BARRANIN

ĦADDIEMA BARRANIN

0
61
Ritratt: Steve Debenport

Fir-rigward tal-ħaddiema barranin fostna, teżisti skiżofrenija liema bħalha. Ilkoll nafu kemm żdiedu fostna. U li ma ġewx hawn waħidhom – xi ħadd ħajjarhom jiġu u rranġalhom biex jiġu. Dan sar għax kellu xi gwadann x’jieħu minnhom u għax kien jaf x’seta’ jsir bihom ħalli jwettqu xogħlijiet f’Malta.

La l-Maltin li joqgħodu f’dil-gżira m’aħna qed nagħmlu xi pjaċir lill-ħaddiema barranin meta nġibuhom joqgħodu hawn. U lanqas huma mhuma jagħmlulna pjaċir bil-preżenza tagħhom fostna. It-tnejn qed ikunu ta’ utilità lil xulxin u m’għandhomx jabbużaw minn xulxin. Biss, l-aqwa opportunitajiet ta’ abbuż ma jinsabux fil-“kamp” tal-ħaddiema barranin.

Il-ħtieġa hi li l-biċċa kollha titmexxa bil-fier, regolata b’realiżmu u  b’għarfien ta’ kif ittektek l-eżistenza tagħna bħalha bnedmin. Dawk li huma qraba, midħla u ġirien tagħna dejjem se jibqgħu aktar viċin tagħna minn ħaddieħor. Li ma jfissirx li għandna nittrattaw lil ħaddieħor sempliċement bħal sors ta’ gwadann għalina, qisu kien magna li m’għandhiex hi wkoll id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet umani tagħha.

SIGURTÀ FL-IKEL

Tinħass ironija kbira f’li tisma’ ċerti nies li għamlu l-karriera tagħhom jgħannu l-virtujiet u l-vantaġġi tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jipproklamaw illum il-ħtieġa li l-gżejjer Maltin iħarsu s-sigurtà tagħhom fl-ikel billi jsostnu l-biedja Maltija. Din taħbat waħda mill-aktar temi antiki fil-kontroversji antiki dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Dak iż-żmien, l-entużjasti għas-sħubija sostnew b’ħanxra waħda, kontra kull evidenza, li l-biedja Maltija tagħmel progress kbir b’Malta fl-Unjoni Ewropea. Malta daħlet fl-Unjoni u addottat ir-regoli tagħha. 

Għall-ewwel, bil-wasla ta’ għajnuniet tal-bidu, l-biedja Maltija dehret qed iżżomm postha. Meta l-għajnuniet spiċċaw u r-regoli sħaħ tal-Unjoni daħlu fis-seħħ, kellna rigress bla waqfien. Firxiet sħaħ ta’ prodotti tal-ikel minn barra ħadu f’idejhom l-essenzjal tas-suq Malti tal-prodotti agrikoli. Illum, in-nies li wassluna f’dil-qagħda, jippriedkawlna s-sigurtà tal-ikel permezz tal-biedja Maltija!!

IT-TEATRU LETTERARJU

It-teatru letterarju miet, talanqas kif kont nafu snin twal ilu… għalkemm mhux kulħadd jaqbel. Fiż-żmien, wieħed mill-modi popolari ta’ kif kien jinħadem il-palk, kien permezz ta’ test b’narrativa u b’temi partikolari, miktuba minn qabel, li direttur u atturi kienu wara jtellgħu quddiem udjenza. Matul is-snin, dal-mod ta’ rappreżentazzjoni teatrali ċeda postu. Fost oħrajn, daħlu forom ta’ teatru (li kienu diġà jeżistu) maħduma permezz ta’ improvizzazzjoni bejn atturi, żeffiena u artisti oħra f’sekwenzi attivi ta’ xeni li jinqdew b’diversi mezzi tekniċi ta’ dwal u ħsejjes ħalli joħolqu effetti drammatiċi. Kollha għandhom mertu kbir.

Biss, qatlu t-teatru letterarju. Għadek tista’ ssib u taqra drammi f’kotba. Imma ħadd ma jaqrahom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here