L-IMGĦALLAQ BLA ĦTIJA U RAKKONTI OĦRA huwa pubblikazzjoni ġdida b’erbatax-il rakkont li kiteb Ġużè Gatt dwar ġrajjiet il-poplu Malti. Gatt jikteb dwar ġrajja vera li seħħet in-Naxxar ta’ 200 sena ilu: żewġt aħwa jħobbu l-istess tfajla. Tispiċċa maqtula. Wieħed mill-aħwa jitressaq akkużat li qatilha. Jinstab ħati u jiġi mgħallaq. Ftit qabel imut, min qatilha, jammetti l-ħtija tiegħu. Din hi ġrajja storika li tagħti l-isem lill-ġabra ta’ ġrajjiet veri ta’ Ġużè.
F’Ġużè Gatt insibu storiku li jirrakkonta l-istorja tal-poplu tagħna fil-mixja tiegħu biex isir nazzjon li jmexxi lilu nnifsu. Fl-aħħar anki aħna beda jkollna l-istoriċi tagħna bħal dawk li tfaċċaw fis-sekli 18 u 19, wara r-rivoluzzjonijiet Amerikani u Franċiżi, kontra l-ħakma tal-Imperu Britanniku, kontra l-ħakma tar-Re u favur ir-repubblika tal-poplu.
F’pajjiż wara l-ieħor l-istoriċi bdew jiktbu dwar il-popli tagħhom, ilsienhom, il-kultura tagħhom, l-identità tagħhom u l-eroj nazzjonali tagħhom biex jgħaqqdu lill-popli tagħhom f’nazzjonijiet ħielsa. Ħafna minn dawn l-istoriċi kienu differenti minn dawk li jsegwu lil Thomas Carlyle li “l-istorja tad-dinja mhi xejn ħlief il-bijografija ta’ rġiel kbar”.
L-istorja ma baqgħetx aktar il-bravuri tal-elit iħarsu ’l isfel lejn dawk li jmexxu imma saret il-ġrajja iebsa tal-poplu jħares lejn in-nies u l-istrutturi tal-poter minn taħt biex jara kif se jaqlibhom. F’Gatt insibu l-ġrajja tal-poplu li tħares lejn il-ħajja minn għajnejn in-nies komuni, il-ħaddiema, in-nisa, l-imwarrbin u mhux minn għajnejn il-mexxejja.
Għal snin sħaħ fl-iskola primarja u mbagħad dik sekondarja, l-istorja li għallmuna kienet ħafna minnha dwar dawk li ħakmuna u qisna aħna l-Maltin konna hemm bħala kor tal-muti, bla leħen, ħlief biex nuru l-appoġġ tagħna għal min ġie jaħkimna u, biex meta ħlisna minn xi ħakkiem, kien biex ikollna ħakkiem barrani ġdid jaħkimna.
L-IMGĦALLAQ BLA ĦTIJA U RAKKONTI OĦRA (Pubblikazzjoni SKS) se jiġi mniedi fil-Festival tal-Ktieb f’Ta’ Qali l-Ħadd 8 ta’ Novembru fl-10am b’taħdita ta’ Evarist Bartolo bit-tema ‘Ġużè Gatt : L-istoriku tal-poplu’. Il-pubbliku mistieden jattendi.




