Monday, November 2, 2026
Home Sport Team Malta jibda l-impenji tiegħu fil-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Dakar 2026

Team Malta jibda l-impenji tiegħu fil-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Dakar 2026

0
52

Team Malta jinsab fis-Senegal għal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Dakar 2026, l-ewwel avveniment Olimpiku li qed isir fil-kontinent Afrikan. Il-Logħob fetaħ is-Sibt 31 ta’ Ottubru fi Stade Abdoulaye Wade f’Diamniadio u jibqa’ għaddej sat-13 ta’ Novembru, b’atleti żgħażagħ minn aktar minn 200 Kumitat Olimpiku Nazzjonali jikkompetu f’25 sport f’Dakar, Diamniadio u Saly.

L-għawwiema Yulya Anne Bonnici u Samuel Camilleri ġarrew il-bandiera Maltija waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.

“L-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ iġġib magħha diversi sfidi, u l-organizzaturi ħadmu bis-sħiħ biex itellgħu l-ewwel avveniment Olimpiku fuq art Afrikana. Mill-mument li wasalna, ingħatajna merħba sabiħa, mimlija ħajja u kuluri. Yulya u Sam draw l-ambjent, huma mħejjija sew u qed iħarsu ’l quddiem biex jikkompetu,” qalet Johanna Grech, Kap tal-Missjoni u membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Bonnici u Camilleri, akkumpanjati minn Andria Friggieri, huma l-ewwel atleti Maltin li se jikkompetu. Bonnici tiftaħ il-programm ta’ Team Malta illum it- 2 ta’ Novembru fil-100 metru stil liberu, segwita mill-50 metru stil liberu nhar l-Erbgħa 4 ta’ Novembru u l-200 metru stil liberu nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru.

Camilleri  ser jikkompeti fl-400 metru stil liberu nhar it-Tlieta 3 ta’ Novembru u fil-200 metru butterfly nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Novembru. Camilleri kien irreġistrat ukoll għat-800 metru stil liberu iżda wara rieżami tal-aspetti marbuta mas-sigurtà u l-benesseri tal-atleti, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali rreveda l-iskeda tal-kompetizzjonijiet tal-għawm, u t-800 metru stil liberu m’għadhiex tifforma parti mill-programm. Camilleri se jiffoka fuq iż-żewġ tlielaq li fadallu.

Il-bqija tad-delegazzjoni Maltija se tingħaqad mat-tim f’Dakar aktar tard din il-ġimgħa. Id-Direttur tal-Isport Charlene Attard se tivvjaġġa mal-ġinnasta Janet Galea (Ġinnastika Artistika) u l-atleti Nick Bonett u Matthew Azzopardi (Atletika). Huma se jkunu appoġġjati mill-kowċis Nataliya Berehova u Tiziana Zammit rispettivament.

Il-parteċipazzjoni ta’ Team Malta f’Dakar 2026 qed issir taħt it-tmexxija u bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here