Tema li qamet ta’ spiss fid-dimostrazzjonijiet u irvellijiet li seħħew dan l-aħħar fl-Ewropa kienet il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-kwistjoni ilha tberren. Tard is-sena li għaddiet u wara, anke qajmet diżgwid fil-partiti politiċi l-kbar tal-Ġermanja, bejn il-fergħat taż-żgħażagħ u l-bqija tal-partiti. Id-demokristjani u s-soċjalisti fil-koalizzjoni tal-gvern riedu jaslu għal kompromess dwar riforma tal-pensjonijiet.
Argument li tqajjem miż-żgħażagħ kien li bl-isforzi li l-partiti għamlu biex iħarsu l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali favur l-anzjani, kienu se jnaqqsu l-impenn futur tal-gvern lejn edukazzjoni u programmi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ, bħal flil-qasam tal-akkomodazzjoni. Mit-taxxi li jħallsu ż-żgħażagħ, se jispiċċaw jibbenefikaw l-aktar l-anzjani. U meta ż-żgħażagħ tal-lum, jsiru anzjani mhux se jsibu l-istess appoġġi soċjali, għal numru ta’ raġunijiet, fosthom li r-rata tat-twelid baqgħet titbaxxa, u se jkun hemm anqas fondi għal pensjonijiet…
Għall-bidu, dan l-argument issibu ftit stramb. Toqgħod tqisu sew, issib li fih ħafna x’tomgħod.
BAŻIJIET MILITARI
Kien hemm żmien meta uħud kienu jsostnu – anke hawn Malta – li bħala pajjiż ċkejken, ħaġa tajba li jkollok fit-territorju tiegħek, bażi militari ta’ Superpotenza li titqies bħala ħabiba u alleata tiegħek. Veru li l-bażi tkun se taqdi l-interessi tas-Superpotenza. Imma bid-dominanza teknoloġika u militari tagħha, l-istess preżenza tagħha sservi wkoll ta’ ħarsien mill-attakki għall-pajjiż fejn tkun tinsab il-bażi. Hekk ikkalkolaw il-pajjiżi tal-Golf Għarbi. Issa qed jgħarralhom.
L-avvanzi teknoloġiċi għamluha finanzjarjament u loġistikament fattibbli li pajjiżi “żgħar” jattakkaw mill-bogħod bażijiet militari. Biex jiddefendu ruħhom minn Superpotenza, qed jattakkaw lura, mhux bla suċċess, lis-Superpotenza nnifisha kull fejn hi preżenti, inklużi bażijiet f’territorji li strettament mhumiex fi gwerra magħhom. Fil-Golf Għarbi, l-kalkoli dwar bażijiet militari nqalbu ta’ taħt fuq.
FL-AWSTRALJA
Id-diskors tal-aħħar żminijiet dwar kif jitqiesu l-immigranti fil-pajjiż fejn ikunu residenti fakkarni fi x’qalli Malti anzjan “tal-Awstralja” meta ltqajna ilu ħafna matul wieħed mill-vjaġġi li kont għamilt f’dak il-pajjiż mill-isbaħ. Kien fost tal-ewwel li telqu lejn l-Awstralja bħala żagħżugħ ħaddiem manwali. Diġà kien anzjan sew meta ltqajna. Imma l-memorja tiegħu kienet baqgħet ċara u dettaljata.
L-Awstraljani kienu jqisuna bħala nies strambi, qalli, għax għall-bidu konna nżommu flimkien, ftit kellna flus u mhux lakemm tidra malajr kif jgħixu n-nies ġodda li tispiċċa toqgħod qribhom. Lanqas intbaħna li konna ngħaġġbuhom, anke ndarrsuhom, b’dak li konna nieklu. Hemmhekk sibna li l-fwied u l-kliewi kienu tassew irħas għax ħafna Awstraljani kienu jitqażżuhom. Għalina kien ikel tassew bnin. Konna nixtruh biex niffrankaw u għax jogħġobna. Il-preġudizzji kontrina l-Maltin fl-inħawi fejn konna ngħixu, rrankaw.




