Minn Cristian Muscat
Hekk kif matul dawn it-tlett ijiem tintlagħab l-ewwel ġurnata tat-tieni round tal-Ewwel Fażi, l-aqwa partita hija dik mit-Top Six bejn Sliema Wanderers u Valletta.
Żewġ logħbiet oħra mill- istess kategorija huma Marsalokk v Hamrun Spartans u Floriana v Hibernians.
Imbagħad min-naħa tal-Bottom Six, iż-żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar żewġ postijiet, Birżebbuġa St Peter’s u Gzira United jaffrontaw lil Mosta u lil Balzan rispettivament.
Imbagħad, it-team li l-aktar iddiżappunta, Birkirkara, jiffaċċja lil Zabbar St Patrick.
Dan it-tieni round huwa meqjus bħala d-dritta finali biex ikunu magħrufa l-ewwel żewġ semi-finalisti għal Mejju li ġej.
Min-naħa l-oħra wkoll, ikunu magħrufa ż-żewġ timijiet li se jkunu qed jipparteċipaw fir-Relegation Play-off.
Sliema W. v Valletta – Sliema Wanderers jilagħbu kontra l-leaders, Valletta, konxji mill-fatt li l-pressjoni tinsab kollha fuqhom u jridu jirbħu t-tliet punti hekk kif bħalissa jinsabu seba’ punti taħt il-Beltin.
Rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser li jagħmlu pass kbir biex itemmu fl-ewwel żewġ postjiet.
Iż-żewġ timijiet għandhom player kull wieħed sospiż, Vlatko Drobarov, għall-Wanderers, u Roko Prsa għall-Lilywhites.
F’Ottubru li għadda, iż-żewġ timijiet iltaqgħu fejn il-Beltin kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Marsaxlokk v Hamrun S. – It-team li jinsab fit-tieni pożizzjoni, Marsaxlokk, kontra dak ta’ Hamrun Spartans li prattikament iddiżappunta bil-kbir wara li fis-sajf li għadda kien minn fost l-aktar timijiet li kien attiv fis-suq tat-trasferimenti.
L-Ispartans ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Sliema Wanderers permezz ta’ penalty ta’ Emerson Marcelina fil-ħin miżjud.
Fil-partita preċedenti bejn dawn iż-żewġ timijiet li ntlagħbet fit-18 ta’ Settembru li għadda, l-Ispartans kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1. Iżda minn dak in-nhar, ix-Xlukkajri mmaturaw fil-logħob tagħhom, tant, li jinsabu t-tieni u b’rebħa jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti.
Floriana v Hibernians – Fil-veritá, din il-partita hija biss formalitá minħabba li ż-żewġ timijiet ma għandhom l-ebda ċans jisfidaw għall-ewwel żewġ positjiet meta għandhom 16-il punt kull wieħed b’distakk ta’ disa’ punti minn Valletta.
Il-Greens issa ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames partiti li fihom ġabru biss tliet punti.
Iżda huma kienu għelbu lill-Pawlisti 4-0 fil-konfront preċedenti.
Gzira U. v Balzan – It-team li jinsab fl-aħħar post tal-klassifika, Gzira United, jiffaċċja lil Balzan li jinsabu f’żona komda għalissa.
Iżda jekk il-Maroons joħorġu rebbieħa, huma jnaqqsu d-distakk għal tliet punti fil-konfront ta’ Balzan.
Il-Gżirjani ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar 14-il partita li jinkludu tlieta mill-istaġun li għadda.
Balzan għandhom lil Macula sospiż.
Birżebbuġa SP v Mosta – Birżebbuġa St Peter’s jiltaqgħu ma’ Mosta li jinsabu fit-tieni post tal-Bottom Six mingħajr l-ebda periklu filwaqt s-Saints jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar … u fil-periklu li jtemmu jilagħbu fir-Relegation Pool.
L-aħħar konfront ta’ bejniethom intemm fi draw ta’ 2-2.
Birkirkara v Zabbar SP – Birkirkara, li kellhom jikkuntenaw b’post fil-Bottom Six, fost id-diżappunt tal-partitarji, jaffrontaw lil dak ta’ Zabbar St Patrick.
Bla dubju, din se tkun partita mill-aktar diffiċli hekk kif iż-Żabbarin ġejjin minn żewġ rebħiet impressjonanti kontra Floriana (2-1) u kontra Mosta (5-0).
Rebħa għal Zabbar tkun tfisser li jaqbżu fl-ewwel post fuq Birkirkara … b’dawn tal-aħħar joħorġu rebbieħa 2-0 fl-ewwel konfront dirett.





