Il-prestazzjoni ta’ Malta fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart kompliet titjieb fl-2024, bil-pajjiż jirreġistra l-inqas ammont ta’ skart iġġenerat għal kull persuna fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li kompla jnaqqas id-distakk mal-medja Ewropea fir-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik.
L-aħħar ċifri tal-Eurostat juru progress kontinwu kemm fit-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart kif ukoll fiż-żieda fir-riċiklaġġ.
Malta ġġenerat 1,092 kg ta’ skart għal kull persuna, madwar 36 fil-mija inqas mill-medja tal-UE, filwaqt li r-rata ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik kienet 7.3 punti perċentwali taħt il-medja tal-UE ta’ 42.4 fil-mija.
Dan jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2022, meta r-rata ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik f’Malta kienet 26.7 punti perċentwali taħt il-medja tal-UE u l-pajjiż kien fl-aħħar post fil-klassifika Ewropea. L-akbar titjib seħħ fl-2023, meta r-rata ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik f’Malta telgħet għal 31.9 fil-mija, qabel kompliet tiżdied għal 35.1 fil-mija fl-2024.
Flimkien, dawn l-aħħar ċifri juru progress kemm fit-tnaqqis tal-ammont ta’ skart iġġenerat kif ukoll fit-titjib fis-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, laqa’ l-aħħar ċifri tal-Eurostat u qal li dan it-titjib seħħ wara bidliet importanti fis-sistema tal-ġestjoni tal-iskart f’Malta, fosthom investiment f’faċilitajiet ġodda għar-riċiklaġġ u riformi fil-ġbir tal-iskart.
“Investejna f’faċilitajiet aħjar u biddilna l-mod kif jinġabar u jiġi pproċessat l-iskart, iżda dan kollu ma kienx ikollu l-istess impatt mingħajr l-isforz tan-nies biex jisseparaw l-iskart tagħhom.
“Għad baqa’ x’naħdmu u ma nistgħux nikkuntentaw bir-riżultati miksuba s’issa, iżda dawn ir-riżultati juru kemm jista’ jsir progress meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu,” qal is-Sur Bilocca.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, qalet: “L-aħħar riżultati juru li l-pajjiż qed inaqqas id-distakk u, bl-isforzi ta’ kulħadd, ninsab fiduċjuża li se nkomplu nirreġistraw aktar titjib sabiex ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik f’Malta tilħaq u taqbeż il-medja tal-UE.”
Fost il-bidliet introdotti kien hemm l-Iskema ta’ Rifużjoni fuq il-Kontenituri tax-Xorb f’Novembru tal-2022, l-iskeda nazzjonali tal-ġbir tal-iskart domestiku, li daħlet fis-seħħ f’Jannar tal-2023, u s-separazzjoni obbligatorja tal-iskart għad-djar u n-negozji f’April tal-istess sena.
WasteServ investiet ukoll f’infrastruttura ġdida għar-riċiklaġġ wara n-nirien devastanti f’Sant’Antnin fl-2017, li qerdu l-faċilità ewlenija ta’ Malta għall-ipproċessar tal-materjal riċiklabbli u llimitaw il-kapaċità tal-pajjiż li jissepara l-iskart riċiklabbli.
Linja temporanja għas-separazzjoni tal-iskart bdiet topera f’Sant’Antnin f’Lulju tal-2020, filwaqt li f’Marzu tal-2023 infetħet faċilità ġdida għall-għażla tal-materjal riċiklabbli fil-Kumpless ECOHIVE, b’investiment ta’ €4 miljun. Din il-faċilità tista’ tipproċessa sa 40,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fis-sena, billi tissepara tipi differenti ta’ plastik, karta, metall u kartun biex dawn ikunu jistgħu jiġu riċiklati.
Bidla importanti oħra kienet l-introduzzjoni ta’ inċentivi finanzjarji għan-negozji biex jisseparaw l-iskart tagħhom.
Iż-żieda fl-ammont ta’ materjal riċiklabbli pproċessat hija riflessa wkoll fl-operat ta’ WasteServ. Fl-2023, il-kumpanija pproċessat u esportat 1,422 tunnellata ta’ tipi differenti ta’ plastik għar-riċiklaġġ barra minn Malta.
It-titjib imur ukoll lil hinn mill-imballaġġ tal-plastik. Fl-2023, WasteServ irreġistrat tnaqqis ta’ 23 fil-mija fl-ammont ta’ skart domestiku mħallat li rċeviet, filwaqt li l-ammont ta’ skart organiku miġbur separatament żdied b’35 fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
