Madwar 30 sena ilu, l-elettorat tat-12-il distrett elettorali wera fiduċja qawwija fil-kandidatura tiegħi. Ġejt elett mal-ewwel għadd tal-voti, qabel il-kandidati kollha tal-partiti l-oħra, inklużi dawk tal-Partit Nazzjonalista, li normalment kienu jitilgħu minn tal-ewwel. Dan ir-riżultat wassal biex il-Prim Ministru Alfred Sant jaħtarni Ministru għall-Biedja u s-Sajd.
Il-bidu tal-ħidma tal-Gvern il-ġdid kien ikkaratterizzat minn sfidi finanzjarji, soċjali u ekonomiċi serji. Fost l-obbligi li wiret kien hemm il-ħlas ta’ Lm28 miljun lill-Knisja ta’ Malta, ekwivalenti għal madwar €100 miljun fil-valur tal-lum, għal ftehimiet li Gvern preċedenti kien għamel snin qabel iżda baqa’ ma ħallasx.
Fl-istess waqt, rapport ta’ esperti indipendenti, magħruf bħala r-rapport Appledor, ikkummissjonat mill-Gvern Nazzjonalista preċedenti, kien identifika 800 ħaddiem mit-tarznari Malta Drydocks, Malta Shipbuilding u Kala Xlokk li kellhom jiġu assenjati mill-ġdid. Dawn kienu l-ħaddiema li l-Gvern preċedenti kien iddeskriva bħala “żejda”.
Chadwick Lakes: proġett li twieled minn tliet sfidi nazzjonali
Erba’ xhur biss wara li assumejt il-kariga ta’ Ministru, varajt il-proġett ta’ riabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes. Il-proġett kien maħsub biex jindirizza tliet sfidi nazzjonali:
Erożjoni u l-ilma ta’ taħt l-art: li tiġi indirizzata l-problema tan-nitrati fl-ilma tal-pjan u tal-Biedja , filwaqt li jiġu protetti l-bijodiversità, il-pajsaġġ, il-ħamrija u l-agrikoltura.
Soċjali: li jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddiema tat-tarznari meqjusa żejda.
Ekonomika: li l-investiment fil-proġett jgħin biex jiġu bbilanċjati l-finanzi tal-Gvern.
L-isfida finanzjarja kienet marbuta wkoll mal-obbligi li wiret il-Gvern. Il-ħlas lill-Knisja kellu effett dirett fuq il-kontijiet tal-Istat: art agrikola li kienet tiswa madwar nofs lira Maltija kull tomna kienet qed tirrappreżenta spiża ta’ Lm8.50 kull tomna għall-Gvern, skont ir-rata ta’ kapitalizzazzjoni tal-investiment li kien sar mill-Gvern preċedenti meta xtara l-art mingħand il-Knisja.
Il-bidu tal-proġett: taħriġ, impjieg u teknoloġija ambjentali
Il-proġett beda fi Frar 1996, bil-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding, tad-Dockyard, ta’ Kala Xlokk u tad-Dipartiment tal-Agrikoltura jitħarrġu f’ħiliet ġodda marbuta mal-green jobs. It-taħriġ kien iffukat fuq it-teknoloġija tal-Gabion Boxes u Gabion Mattresses, sistemi ta’ protezzjoni kontra l-erożjoni li jimminimizzaw l-impatt fuq l-idroloġija, il-ġeoloġija, il-flora, il-fawna, il-bijodiversità u l-ekosistema tal-pajsaġġ. B’dan il-proġett beda jinbena wkoll il-pedament ta’ reġjun agrituristiku f’Malta.
Din l-inizjattiva twettqet bil-kollaborazzjoni ta’ esperti internazzjonali tal-FAO, iffinanzjata mill-fondi tal-Protokoll Taljan u mmexxija mill-istitut Taljan CIHEAM ta’ Bari, flimkien mal-Perit David Xuereb, li jien, bħala Ministru, kont ipproponejt biex jitħarreġ f’din it-teknoloġija ġdida għall-gżejjer Maltin.
Il-ħaddiema Maltin, li l-Gvern preċedenti kien iddeskriva bħala “żejda”, taw sehemhom fi proġett li Gvern Laburista żviluppa u li għadu meqjus state of the art sal-lum. Iċ-Chadwick Lakes baqa’ fil-memorja u fil-qalb tal-pubbliku bħala proġett ta’ valur u b’sens.
Rikonoxximent lill-ħaddiema u appell lill-awtoritajiet
Ħajr lill-ħaddiema Maltin li, permezz tal-ħiliet u l-ħidma tagħhom, taw il-ħajja lil dan il-proġett.
Nagħmel appell sinċier lill-Kabinett tal-lum u lill-awtoritajiet kompetenti li jaħtar, biex jirriflettu mill-ġdid fuq is-suċċess u l-valur ta’ dan ix-xogħol, li l-għan tiegħu kien li nirrikorru għall-użu ta’ teknoloġija ekoloġika aħjar mill-użu taż-żrar u tal-konkos f’żoni ekoloġikament sensittivi.
Illum, aktar minn 30 sena ilu, jeħtieġ li jkollna politika nazzjonali b’saħħitha li tindirizza b’mod effettiv u kuraġġuż l-erożjoni, bl-inqas impatt possibbli fuq l-ekosistema tal-gżejjer tagħna, fejn in-natura sfortunatament tkaxkar il-bijodiversità u l-ħamrija lejn il-baħar.
Il-protezzjoni tal-ambjent mill-erożjoni titlob soluzzjonijiet li jirrispettaw in-natura, mhux interventi li jbiddluha bla bżonn.




