Minn għada se jibdew ix-xogħlijiet biex jitpoġġew cables ġodda ta’ 11 kV, fuq medda ta’ 4.5 kilometri bejn Manoel Island fil-Gżira u l-Ferries f’Tas-Sliema, bil-għan li jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona.
Il-cable l-ġdid se jkollu kapaċità ogħla biex jilqa’ għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku fil-Gżira u Tas-Sliema, filwaqt li se jipprovdi konnessjoni diretta miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Manoel Island, li tipprovdi s-servizz lil partijiet ċentrali ta’ Tas-Sliema.
Bħala parti mill-istess xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network, Enemalta se tqiegħed ukoll 2.7 kilometri ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ baxx, biex tkompli ssaħħaħ in-network tal-vultaġġ baxx fiż-żona.
Il-cable eżistenti, li ilu fis-servizz għal diversi snin, ser jiġi mibdul wara li matul is-snin saru diversi interventi tul ir-rotta tiegħu, fattur li għamlu aktar suxxettibbli għall-ħsarat.
“F’din il-parti tan-network, is-sostituzzjoni tal-cable eżistenti hija soluzzjoni fit-tul. Il-cable l-ġdid se jżid il-kapaċità tan-network u jagħtina konnessjoni diretta aktar b’saħħitha fil-qalba ta’ Tas-Sliema, filwaqt li t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ baxx se jkompli jsaħħaħ in-network tal-vultaġġ baxx fiż-żona,” qal iċ-Chairman E\ekuttiv ta’ Enemalta, Ing. Ryan Fava.
Ix-xogħlijiet se jsiru tul ix-xatt u mistennija jieħdu madwar xahrejn biex jitlestew.
Matul dan il-perjodu, il-bus lane ta’ max-xatt se tkun magħluqa sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ tħaffir u tqegħid tal-cables. It-traffiku ħiereġ minn Tas-Sliema se jkun limitat għal karreġġjata waħda sakemm ikunu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet.
Enemalta spjegat li dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-provvista tal-elettriku f’żona b’għadd kbir ta’ residenti u negozji, fejn id-domanda għall-elettriku kompliet tiżdied f’dawn l-aħħar snin.
