Il-GWU tiffirma ftehim ma’ Raven.aero biex issaħħaħ l-opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp professjonali fis-settur tal-avjazzjoni

Il-membri tal-GWU se jibbenefikaw minn skont esklussiv fuq korsijiet speċjalizzati ta’ taħriġ fl-avjazzjoni

Aqra wkoll

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union, Jurgen Azzopardi, laħaq ftehim ma’ Raven.aero bil-għan li jwessa’ l-aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp professjonali għall-membri tal-GWU, filwaqt li jkunu offruti skont esklussiv  jsaħħu l-ħiliet tagħhom u javvanzaw fil-karriera fis-settur tal-avjazzjoni.

Din il-kollaborazzjoni tirrifletti l-impenn komuni taż-żewġ organizzazzjonijiet li jinvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema, jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u jappoġġjaw l-iżvilupp professjonali, kemm ta’ dawk li diġà jaħdmu fis-settur tal-avjazzjoni kif ukoll ta’ persuni li jixtiequ jibdew karriera f’din l-industrija.

Raven.aero hija pjattaforma professjonali ta’ tagħlim ibbażata f’Malta, speċjalizzata fis-setturi tal-avjazzjoni u aerospace, bil-għan li toffri edukazzjoni ta’ kwalità għolja f’dawn l-oqsma aktar aċċessibbli għal kulħadd. Għalkemm il-kumpanija hija bbażata f’Malta, it-tim tagħha jinkludi professjonisti li jaħdmu minn diversi pajjiżi Ewropej.

Għal aktar minn ħames snin, Raven.aero ilha tipprovdi taħriġ lil professjonisti tal-avjazzjoni minn madwar id-dinja, billi tgħaqqad teknoloġiji moderni ta’ tagħlim ma’ taħriġ prattiku mfassal minn esperti fl-industrija.

Il-korsijiet jiġu offruti online u jistgħu jitlestew skont il-ħin u r-ritmu tal-parteċipanti. Dawn jinkludu eżerċizzji interattivi u tagħlim ibbażat fuq il-logħob, li jgħinu lill-parteċipanti jifhmu u japplikaw aħjar ir-regolamenti u l-prinċipji tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

Raven.aero tuża wkoll l-intelliġenza artifiċjali biex tiżviluppa taħriġ personalizzat skont il-proċeduri u l-manwali ta’ organizzazzjonijiet differenti, b’kontenut diġitali adattat għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-korsijiet jitħejjew minn speċjalisti fl-oqsma tal-manutenzjoni, l-operat, is-sigurtà u r-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni.

Skont esklussiv ta’ 25% għall-membri tal-GWU

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-membri tal-GWU se jibbenefikaw minn skont esklussiv ta’ 25% fuq il-korsijiet kollha ta’ Raven.aero li jistgħu jitlestew b’mod individwali u li jiswew aktar minn €50. Din l-inizjattiva se tagħmel it-taħriġ speċjalizzat fl-avjazzjoni aktar aċċessibbli u affordabbli għall-membri tal-Union.

Kif il-membri tal-GWU jistgħu jibbenefikaw mill-iskont

Il-membri interessati għandhom jikkuntattjaw direttament lil Raven.aero billi jibagħtu email fuq [email protected], flimkien ma’ prova tas-sħubija tagħhom fil-GWU.

Ladarba tiġi vverifikata s-sħubija, Raven.aero se tipprovdi kodiċi ta’ skont individwali, li jista’ jintuża darba biss, fi żmien ġurnata tax-xogħol. Dan il-kodiċi jippermetti lill-membri eliġibbli jirreġistraw għall-kors magħżul tagħhom bir-rata mnaqqsa.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-GWU qed tagħti importanza partikolari lit-taħriġ mill-ġdid (reskilling) u lit-tisħiħ tal-ħiliet (upskilling), filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu mgħammra bl-għarfien, il-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa biex jadattaw għall-bidliet u l-ħtiġijiet dejjem jevolvu tal-industrija tal-avjazzjoni.

Dan il-ftehim jifforma wkoll parti mill-impenn usa’ tal-Union li tippromwovi l-iżvilupp professjonali kontinwu, issaħħaħ il-prospetti tal-karriera tal-ħaddiema u tiżgura li l-membri tagħha jkollhom aċċess għal opportunitajiet li jtejbu l-ħidma tagħhom fit-tul u jgħinuhom javvanzaw professjonalment.

Permezz ta’ sħubija ma’ fornituri speċjalizzati tat-taħriġ bħal Raven.aero, il-GWU qed tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha li tinvesti fin-nies, tagħti aktar opportunitajiet lill-ħaddiema biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u tiftaħ toroq ġodda għall-progress fil-karriera fis-settur tal-avjazzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport