Il-profitt ta’ APS Bank jiżdied għal rekord ta’ €35 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2026

Aqra wkoll

APS Bank plc irreġistra profitt rekord qabel it-taxxa ta’ €34.5 miljun bħala Grupp għad-disa’ xhur li ntemmu fit-30 ta’ Settembru 2026, żieda ta’ 94% minn €17.8 miljun fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Bħala Bank, il-profitt qabel it-taxxa laħaq €35.4 miljun, żieda ta’ 94.7% minn €18.2 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2025.

Din hija prestazzjoni rekord li tkompli fuq il-momentum qawwi rreġistrat fl-ewwel sitt xhur tas-sena, sostnuta minn tkabbir kontinwu fid-dħul u fil-volumi tan-negozju, tisħiħ kontinwu tal-marġini tal-imgħax u ġestjoni dixxiplinata tal-ispejjeż.

Id-dħul nett mill-imgħax żdied b’37.5% għal €77.7 miljun, meta mqabbel ma’ €56.5 miljun fl-2025, riżultat ta’ espansjoni kontinwa fis-self privat u kummerċjali, kontribut ikbar mill-portafoll tat-teżor u titjib fl-ispejjeż tal-imgħax. Filwaqt li r-redditu mill-portafoll ta’ self sindikat naqas, dan ġie aktar milli kkumpensat minn redditu ogħla fuq flus kontanti u investimenti bi dħul fiss.

L-ispiża tal-imgħax naqset għal €25.6 miljun minn €34.7 miljun fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet, minkejja ż-żieda fid-depożiti. Dan jirrifletti t-titjib kontinwu tad-diversita’ ta’ finanzjament tal-Bank, b’żieda ta’ depożiti overnight u depożiti kurrenti. B’riżultat ta’ dan, il-marġni nett tal-imgħax tal-Grupp kompla jissaħħaħ għal 2.23%, minn 1.80% fl-ewwel disa’ xhur tal-2025.

Il-prestazzjoni tal-APS kienet sostnuta wkoll minn tkabbir fid-dħul minn tariffi u dħul ieħor, bid-dħul nett mit-tariffi u l-kummissjonijiet jiżdied bi 22.1% għal €8.7 miljun. It-tkabbir ġie rreġistrat f’diversi attivitajiet bankarji tal-Grupp, fosthom mill-portafoll ta’ self u dħul ogħla mis-servizzi ta’ investiment, prodotti tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet, u attivitajiet bankarji ta’ kuljum bħal użu ta’ cards u servizz ta’ kambju. L-instabbiltà fis-swieq, partikolarment matul Settembru, wasslet għal telf nett mhux realizzat fuq strumenti finanzjarji ta’ €1.8 miljun, meta mqabbel ma’ qligħ nett ta’ €0.8 miljun fl-2025.

Il-Grupp irreġistra telf nett fuq self problematiku ta’ €3.5 miljun, meta mqabbel ma’ €0.5 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, primarjament minħabba provvedimenti addizzjonali relatati ma’ self problematiku u tkabbir ordinarju fil-portafoll tas-self. Minkejja ż-żieda fil-provvedimenti, il-proporzjon tas-self improduttiv (NPL) tal-Bank baqa’ f’livell ikkontrollat ta’ 1.48%, li jirrifletti r-reżiljenza u l-kwalità ġenerali tal-portafoll tas-self u l-mod dixxiplinat tal-Bank lejn il-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu.

L-ispejjeż operattivi żdiedu bi 3.7% għal €48.9 miljun, minn €47.2 miljun fl-2025. L-ispejjeż tal-persunal żdiedu b’€2.0 miljun, parzjalment ikkumpensati minn tnaqqis ta’ €0.8 miljun fl-ispejjeż amministrattivi, hekk kif il-Bank kompla jinvesti fit-talent, it-trasformazzjoni tar-riżorsi umani u t-titjib tal-ħiliet, ir-reżiljenza operattiva, it-teknoloġija u ċ-ċibersigurtà, filwaqt li żamm l-enfasi tiegħu fuq ġestjoni dixxiplinata tal-ispejjeż.

L-effiċjenza operattiva kompliet titjieb, bil-proporzjon tal-ispejjeż fil-konfront tad-dħul jonqos għal 56.6%, minn 72.8% fl-2025. Meta jiġu esklużi elementi mhux rikorrenti, il-proporzjon tal-ispejjeż fil-konfront tad-dħul tjieb ukoll għal 55.5%, minn 71.3% fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Il-profitt tal-Grupp wara t-taxxa laħaq €22.7 miljun, meta mqabbel ma’ €10.5 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, filwaqt li l-profitt tal-Bank wara t-taxxa żdied għal €23.6 miljun minn €10.9 miljun. Ir-redditu medju fuq l-ekwità tjieb għal 8.6%, minn 4.7% fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Pożizzjoni finanzjarja

L-assi totali tal-Grupp żdiedu għal €4.91 biljun fit-30 ta’ Settembru 2026, żieda ta’ €260.7 miljun mill-31 ta’ Diċembru 2025. Iż-żieda kienet prinċipalment dovuta għal tkabbir kontinwu fil-portafoll tas-self privat u minn kumpaniji, li kiber bi €326.8 miljun, jew 9.7%, matul il-perjodu. Il-portafoll tat-titoli ta’ dejn żdied ukoll b’€57.8 miljun, filwaqt li l-bilanċi miżmuma mal-Bank Ċentrali ta’ Malta naqsu b’€85.3 miljun hekk kif il-likwidità żejda ġiet investita mill-ġdid fi strumenti li jagħtu redditu ogħla.

Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’€216.2 miljun matul il-perjodu, u sostnew l-espansjoni kontinwa tal-portafoll ta’ finanzjament tal-Bank filwaqt li jirriflettu tkabbir kontinwu fil-bilanċi tal-klijenti. It-taħlita tad-depożiti kompliet tinbidel lejn bilanċi overnight, u b’hekk ikkontribwiet għal effiċjenza akbar fil-finanzjament u spejjeż ġenerali tal-finanzjament aktar baxxi.

L-ekwità totali fuq livell ta’ Grupp kienet ta’ €367.1 miljun fit-30 ta’ Settembru 2026, sostnuta mill-profitt wara t-taxxa ta’ €22.7 miljun iġġenerat matul il-perjodu. Matul l-2026, mill-€11.4 miljun f’dividendi finali tal-2025 u interim tal-2026, €3.0 miljun inżammu fl-ekwità permezz ta’ dividendi scrip.

Il-Bank żamm pożizzjoni kapitali b’saħħitha, bil-kejl CET1 ta’ 16.43% u Capital Adequacy Ratio ta’ 21.17% fit-30 ta’ Settembru 2026, meta mqabbla ma’ 17.6% u 23.2% rispettivament fi tmiem l-2025.

Fil-kummenti tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ APS Bank, Marcel Cassar, qal li r-riżultati rekord tal-ewwel disa’ xhur “għal darb’oħra juru l-momentum u s-saħħa tan-negozju tagħna u jenfasizzaw il-progress li qed nagħmlu biex nibnu operat bankarju aktar effiċjenti, iffukat u profittabbli.” Huwa żied li l-Bank kompla juża l-assi tiegħu u jimmaniġġja r-riskju b’mod effettiv, filwaqt li żied l-investiment fin-nies, fit-teknoloġija, fil-kanali diġitali u fir-reżiljenza operattiva.

B’ħarsa ’l quddiem, huwa rrimarka r-riskji u l-isfidi bla preċedent li qed iġibu magħhom l-ambjenti ċibernetiċi u ġeopolitiċi, u enfasizza l-ħtieġa li “nkomplu niddiversifikaw is-swieq, is-setturi u  n-negozju tagħna, inklużi opportunitajiet lil hinn minn xtutna. Dan kollu filwaqt li nkomplu nibnu mudell ta’ negozju bbażat fuq l-aġilità, id-dixxiplina u r-reżiljenza, u fuq l-impenn li nkomplu nsostnu lill-klijenti tagħna, minn familji żgħażagħ lokali sa kumpaniji internazzjonali importanti, b’aktar skala, prodotti u effiċjenza.” Is-sur Cassar irringrazzja wkoll lill-klijenti, lill-kollegi u lill-investituri għall-fiduċja, il-lealtà u l-appoġġ tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport