Sunday, December 29, 2024

BŻONN TA’ PAĊI U GĦAQDA FL-EWROPA

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ kien imfakkar Jum l-Ewropa. Jum li fih ġiet iċċelebrata l-għaqda u l-prosperità fil-kontinent Ewropew. Kien f’dan il-jum tal-1950 meta l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman għamel dikjarazzjoni favur “il-ħolqien tal-komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar” fejn “il-membri tagħha kellhom jiġbru flimkien il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar tagħhom.”

Ta’ min wieħed ifakkar li dak iż-żmien il-gwerra kienet ilha biss ħames snin li spiċċat, filwaqt li kemm il-faħam kif ukoll l-azzar kienu riżorsi importanti ferm. B’hekk, din id-dikjarazzjoni wittiet it-triq għal aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, li wasslet ukoll għal iżjed stabbilità u għall-paċi ta’ għexieren ta’ snin fil-kontinent Ewropew, li għadna ngawdu minnha sal-lum il-ġurnata. 

Minħabba f’dan, fl-1985, il-komunità Ewropea għażlet li tibda tikkommemora d-9 ta’ Mejju bħala Jum l-Ewropa. Għalkemm l-isfidi li seħħew f’dawn is-snin kollha xejn ma kienu żgħar, l-istati membri għarfu jqumu għall-okkażjoni u fejn meħtieġ ikkordinaw l-isforzi tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej.

Xhieda ta’ dan kienet il-pandemija tal-Covid-19, li laqtet lill-Ewropa u lid-dinja kollha bħal sajjetta fil-bnazzi. Il-miżuri li ttieħdu u anke l-appoġġ li ngħata kienu effettivi u għenu biex jittaffew il-ħsarat ekonomiċi u soċjali li ġarrbu b’riżultat tal-pandemija. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-ħidma konġunta bejn l-istati membri fejn jidħol ix-xiri tal-vaċċin. Dan l-għoti tat-tilqim għen lil ħafna pajjiżi, inkluż Malta, joqorbu aktar lejn in-normalità kif konna nafuha qabel imma b’differenza.

Minkejja dan, għad baqa’ pajjiżi oħra lil hinn mill-Ewropa fejn ir-rata ta’ tilqim hija waħda baxxa ħafna. Nemmnu li kien pass għaqli dak li ħadu diversi pajjiżi Ewropej, fosthom Malta, li jagħtu donazzjonijiet ta’ vaċċini lil pajjiżi terzi li minħabba l-istat ekonomiku u soċjali tagħhom m’għandhomx aċċess għalihom. 

Din is-solidarjetà ma’ dawn ħutna qiegħda toħroġ aktar fid-deher issa li għaddej il-kunflitt fl-Ukrajna. Kienu miljuni dawk l-Ukreni li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u sabu kenn f’artijiet oħra Ewropej. 

Għalhekk f’din is-sitwazzjoni xejn feliċi għas-sliem fl-Ewropa, hemm ħtieġa iktar minn qatt qabel li l-pajjiżi partikolarment dawk Ewropej jingħaqdu flimkien u jitħabtu biex terġa’ ssaltan il-paċi u l-prosperità fl-Ewropa, kif wara kollox kienet ix-xewqa tas-sitt stati membri li ħolqu l-komunità Ewropea li llum nafuha bħala Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport