Il-prezzijiet dejjem jogħlew ta’ loġistika u trasport barra minn Malta, flimkien ma’ żidiet fil-prezzijiet ta’ fjuwil u prodotti oħra ibda minn dawk tal-ikel u ibqa’ sejjer għal apparat domestiku, qegħdin fuq fomm kulħadd. Illum id-diskussjoni hi dwar il-prezzijiet dejjem jiżdiedu u jogħlew bil-konsumaturi jistaqsu, u bir-raġun fejn din se twassal. Sa issa din il-mistoqsija għad m’għandhiex tweġiba. Li hu żgur hu li tmiss fejn tmiss se ssib prezzijiet jinbidlu u jogħlew. L-eks Prim Ministru u ekonomista Joseph Muscat, meta ikkummenta ma’ IT-TORĊA iddikjara b’mod ċar ħafna is-soluzzjonijiet li għandu jieħu pajjiżna biex jindirizza din il-mewġa ta’ żieda ta’ prezzijiet, waqt li ma joqgħodx lura milli jgħid li hawn min ħa vantaġġ minn narrattiva globali biex jogħlew il-prezzijiet b’mod artifiċjali. Fi kliemu stess, dawk li qed jieħdu vantaġġ huma minoranza żgħira, u enfasizza li pajjiżna irid jitratta din il-mewġa ta’ inflazzjoni bi trasparenza fil-prezzijiet, l-emanċipazzjoni tal-konsumatur u t-tneħħija ta’ ostakoli li mhux tariffi u li dawn qed iwasslu biex iżidu l-prezzijiet. Jiddikjara li hemm lok għar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u t-trejdunjins biex jingħaqdu u jindirizzaw dan. Hu jisħaq ukoll li hemm bżonn miżuri fiskali biex jindirizzaw iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tat-trasport u loġistika li qegħdin jaffettwaw bil-kbir il-prezzijiet f’pajjiżna.
L-ekonomista Joseph Muscat fil-kumment tiegħu qalilna li “f’daqqa waħda, l-istatistika dwar inflazzjoni saret iċ-ċentru tal-attenzjoni. Sfortunatament, lokalment l-analiżi għandha xejra li tkun superfiċjali u tibbaża biss fuq it-titli tal-istatistika. Nixtieq inressaq ħames fatti li għandhom jittieħdu minn dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw is-sitwazzjoni lokalment.”
Il-politika tal-gvern li jassorbi ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil u l-enerġija hi għalja u se ssir aktar għalja
Jisħaq li “l-politika tal-gvern Malti li ħa fuqu ix-xokk taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija hija miżura għalja. Din imma qed tħalli aktar flus fil-but għall-konsumaturi u n-negozji lokali. Fil-fatt bir-rata ta’ 6.1 fil-mija l-inflazzjoni ta’ Malta hija l-aktar baxxa fiż-Żona Ewro. Li tinżamm din l-istess politika mill-Gvern fix-xhur li ġejjina probabbilment se jfisser li din dejjem se tkun qed tiġi aktar għalja għall-gvern. Biex din it-tip ta’ politika tkun sostenibbli, il-gvern irid jistimula aktar l-ekonomija. Dan irid isir mingħajr ma jibża’ li jieħu deċiżjonijiet li huma kontroversjali, inkella jagħżel li jmur għat-tnaqqis fin-nefqa rikorrenti. jew imur għal żieda it-tassazzjoni. Jien nawgura li d-direzzjoni għandha tkun taħlita mit-tnejn. Il-fatt li l-gvern Malti iddeċieda li jiffriża l-prezzijiet tal-enerġija wara li skadew il-ftehim tal-hedging fuq il-fjuwils, ifisser li biex isir tqabbil simili mal-istatisika tal-inflazzjoni ma’ pajjiżi oħra taż-Żona Ewro, jeħtieġ li titneħħa l-kontribuzzjonijiet tal-Gvern għall-enerġija u tal-fjuwil mill-istatistika tal-inflazzjoni. Jekk tagħmel dan jirriżulta li l-medja taż-Żona Ewro tinżel minn 8.6 fil-mija għal 4.9 fil-mija. It-tqabbil iġib lil Malta b’rata ta’ b’6.1 fil-mija u dan ifisser li Malta rreġistrat żieda fl-għoli tal-ħajja li hi ogħla mill-medja taż-Żona Ewro. Fil-fatt Malta għandha it-tmien l-ogħla rata fiż-Żona Ewro. Apparti kwistjonijiet marbutin ma’ katina tal-provvista globali, kontributur ewlieni għal din iż-żieda ogħla mill-medja hija bla dubju ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tat-trasport u l-loġistika, li qed jolqtu b’mod sproporzjonat lil pajjiżna. Dan qed isir minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta. Issa miżuri politiċi u fiskali mmirati biex jindirizzaw din il-parti tal-ekonomija saru mill-aktar urġenti. M’hemmx għalfejn ngħidu li minoranza żgħira ta’ atturi ekonomiċi qed jieħdu vantaġġ minn narattiva global biex jogħlew il-prezzijiet b’mod artifiċjali. Nemmen li hawn irid jiġi indirizzat it-trasparenza tal-prezzijiet, l-emanċipazzjoni tal-konsumatur u t-tneħħija tal-ostakli li mhux tariffi. Hemm lok għar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u t-trejdjunjins biex jingħaqdu biex jindirizzaw dan.”