Heritage Malta se terġa’ tiftaħ il-Forti Delimara, wieħed mill-aktar siti magħluqa tagħha li jqanqlu interess, għal tmiem ilġimgħa mimli esplorazzjoni tal-wirt militari nhar is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Novembru. Matul dawn il-jumejn se jsiru żjarat iggwidati kull siegħa, li jalternaw bejn il-Malti u l-Ingliż.
Mixruf fuq il-Ponta ta’ Delimara, il-Forti Delimara kien jagħmel parti minn sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li kienu jħarsu l-Port ta’
Marsaxlokk u li kienu jinkludu wkoll il-Forti ta’ Tas-Silġ, il-Forti San Luċjan u l-Forti Bengħisa. Mibni bejn l-1876 u l-1884, il-forti
għandu pjazza ewlenija mdaqqsa, kwartieri tas-suldati u għadd ta’ passaġġi taħt l-art.
Fost l-aktar attrazzjonijiet magħrufa li nsibu fil-forti hemm erba’ kanuni rifled muzzle-loading oriġinali, li jiżnu 38 tunnellata
kull wieħed. Dawn ġew restawrati bir-reqqa, u huma l-uniċi eżemplari tax-xorta tagħhom fid-dinja li għadhom fuq il-karrijiet
u l-pjattaformi oriġinali tagħhom fil-postijiet oriġinali tagħhom. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw mill-qrib wieħed minn dawn
il-kanuni straordinarji.
Bis-saħħa ta’ xogħlijiet estensivi ta’ konsolidazzjoni u restawr minn Heritage Malta tul dawn l-aħħar snin, illum il-forti jista’ jiġi
esperjenzat fil-konfigurazzjoni sħiħa li kellu fl-1964, meta l-militar Ingliż temm l-operat tiegħu fih.
It-tneħħija ta’ elementi miżjuda matul is-snin kixfet diversi karatteristiċi storiċi, fosthom il-ħajt tal-musketterija tal-1880, il-ħajt ta’ wara d-difiża (parados) u l-art oriġinali tal-konkos. Aktar riċentement, il-bieb ewlieni tal-forti, li għandu 145 sena, ġie restawrat kollu kemm
hu fuq il-post, filwaqt li nżamm kemm jista’ jkun mill-injam u x-xogħol fil-ħadid oriġinali tiegħu.
Il-Forti Delimara se jkun miftuħ mid-9:00am sal-5:00pm kemm fil-21 kif ukoll fit-22 ta’ Novembru. Se jsiru tmien żjarat
iggwidati f’kull jum, waħda kull siegħa, li jibdew bil-Malti u jalternaw mal-Ingliż.
Sabiex kull min jattendi jkun jista’ jgawdi żżjara bl-aħjar mod, il-postijiet huma limitati u jridu jiġu riservati minn qabel, minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta jew online minn Fort Delimara – Heritage Malta. Mhux se jkun hemm biljetti għall-bejgħ mal-bieb. Iż-żjarat bil-Malti tal11:00am huma riservati esklużivament għall-membri ta’ Heritage Malta, li xorta waħda għandhom jibbukkjaw posthom minn
qabel.
Avviżi importanti għall-viżitaturi: F’ċerti partijiet tal-forti, il-livell tal-art ivarja u għalhekk huwa importanti li l-viżitaturi jilbsu
żraben komdi li huma tajbin għall-mixi. Is-sit jista’ jkun ta’ sfida għal min juża siġġu tar-roti, filwaqt li xi partijiet minnu jistgħu
jkunu ta’ sfida għal persuni li jbatu mill-klawstrofobija. L-annimali mhumiex permessi fiż-żjarat iggwidati.
Il-viżitaturi jistgħu jipparkjaw f’dan l-ispazju biswit il-forti.
