Żagħżugħ ta’ 27 sena li jaħdem bħala carer fir-Residenza San Vinċenz de Paule ġie ikkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li sawwat anzjan ta’ 78 sena li miet xahrejn wara.
Charlton Spiteri kien akkużat li fil-5 ta’ Awwissu 2018, ġewwa Fatima Ward 3, mingħajr il-ħsieb li joqtol lil Emmanuele Axiaq ikkaġunalu ġrieħi gravi.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irriżulta li fil-jum imsemmi l-Pulizija kienet infurmata li kien għadu kemm iddaħħal anzjan fl-Isptar Mater Dei bi ġrieħi f’wiċċu.
Axiaq qal li kien Spiteri li tah daqqiet ta’ ponn u meta l-Pulizija interrogat lil Spiteri dan ċaħad li sawwtu u sostna li l-anzjan iżżerżaqlu waqt li kien qed jirranġah fuq is-sodda u ipprova jilqgħu imma laqtu b’idu jew ħabat mal-ħadida tal-ġenb tas-sodda.
Xhud importanti f’dan il-każ kien Toni Sant, pazjent fl-istess kamra ta’ Axiaq, li xehed kif Spiteri ta erba’ daqqiet lil Axiaq. Anke r-rapport tal-espert forensiku ikkonferma li l-ġrieħi kienu kompatibbli ma’ daqqa ta’ ponn.
Dan is-sit jinsab infurmat li Spieri appella mis-sentenza mogħtija lilu.
Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li f’dan il-każ Spiteri mhux biss ma kienx attent fil-kura li ta lill-anzjan imma b’mod malinn għamillu offiża gravi u għalhekk sabitu ħati.
“Dan kien anzjan pupletku li jieħu medikazzjoni ntiża biex traqqaq id-demm u għalhekk fejn ġrieħi jafu jkun fatali. Spiteri kien ben konxju tal-istat fiżiku ta’ Axiaq, tad-diffikultajiet tiegħu, tal-problemi mediċi tiegħu. Madankollu ma ddejjaq xejn jissoġġettah għal iktar periklu”.
Hija iddeskriviet l-għemil tal-imputat bħala wieħed xokkanti, att inuman u krudil li jikkalpesta d-dinjita tal-bniedem speċjalment meta l-vittma kien bniedem vulnerabbli.
“Minflok ma Leli Axiaq sab idejn u driegħ tal-imputat biex iserraħ magħhom, biex jikkurawh, sab biss il-ponn iebes tiegħu ma’ wiċċu! Ponn li t-tbenġil li ħalla fuq Axiaq żgur li ma baqax limitat għal dawk viżibbli fuq wiċċu tul ix-xahrejn u nofs ta’ wara li baqa’ ħaj, kif jixhed il-biki tiegħu kull meta ssemma isem l-imputat Charlton”, żiedet tgħid l-imsemmija maġistrat.