Wednesday, October 9, 2024

Caritas Malta tiċċelebra l-Jum Dinji għall-Anzjani

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Anzjani, ilbieraħ l-1 ta’ Ottubru, Caritas Malta ċċelebrat l-anzjani bit-tema Ħudu Ħsiebna u organizzat ċelebrazzjoni permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal ġdid.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika attendew madwar 600 anzjan li ġew mill-komunità, parroċċi u wkoll minn diversi djar tal-anzjani. Attendew ukoll is-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva l-Onorevoli Paula Mifsud Bonnici, Peter Paul Bonnici President Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani u s-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, akkumpanjat mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Fr Martin Micallef u Fr Simon Sciberras, iċċelebraw dan il-jum speċjali b’messaġġ li għadda Monsinjur Isqof lejn l-anzjani fejn esprima: “Dan hu l-isbaħ fil-ħajja, inkunu fejn inkunu, nistgħu nkunu anke kultant inbatu minn mard u minn tbatija, imma jekk ikollna l-paċi f’qalbna, din l-imħabba li jsemmi San Pawl hi l-isbaħ li jista’ jkollna. Jien nixtieq illum nitlob ħafna għalikom, kull wieħed u waħda minnkom, biex il-Mulej jagħtikom l-għajnuna li għandkom bżonn, u jgħinna lkoll napprezzaw dejjem il-ħin tagħkom; jipprovdilkom lil min jimxi magħkom u jakkumpanjakom fit-triq tal-ħajja; u speċjalment biex il-Mulej jagħtikom il-paċi tal-qalb bl-imħabba tiegħu, ħalli tkunu tistgħu tgħixu snin li Alla jagħtikom bl-isbaħ mod; u tgħixuhom tassew b’ħajja ta’ tifħir.”     

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt esprima l-apprezzament lejn l-anzjani u kemm kienu ta’ bastun għall-ġenerazzjoni iżgħar u awgura li huma f’din l-età sabiħa tagħhom isibu bastun f’uliedhom u qrabathom.

Residenti minn djar terapewtiċi ta’ Caritas Malta kienu ta’ sapport mal-anzjani, speċjalment dawk li għandhom problema ta’ mobiltà u akkompanjawhom biex jidħlu fil-Bażilika b’iktar kumdità.

Caritas Malta tirringrazzja lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio u lill-Arċipriet Fr Marc Andre Camilleri u lil dawk kollha li pparteċipaw biex din iċ-ċelebrazzjoni fil-Jum Dinji għall-Anzjani setgħet kienet possibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport