Fir-reazzjoni tagħha għall-Budget 2023, Caritas Malta rrikonoxxiet li dan il-Budget 2023 jagħti attenzjoni ’l dawk l-aktar vulnerabbli. Caritas Malta innotat li persuni li jinsabu fil-faqar, bi dħul baxx, pensjonanti, nies b’diżabbilità u oħrajn, se jiġu megħjuna biex is-sitwazzjoni tagħhom ma tirkadix għall-agħar fid-dawl tal-isfidi serji marbutin mal-għoli fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali.
Fi stqarrija, Caritas Malta sostniet li dejjem saħqet għad-dritt ta’ ħajja diċenti u dinjituża għal kulħadd u l-bżonn li l-pajjiż jistinka biex dejjem jitnaqqas id-distakk bejn is-sinjur u l-fqir.
Fl-isfond tal-istudju tal-MEBDL (Minimum Essential Budget for a Decent Living), 2020 u mini-MEBDL 2022 u fost miżuri soċjali hemm li dawn il-proposti li tal-Caritas jidhru riflessi f’dan il-budget 2023.
Sostniet ukoll li filwaqt li l-eradikazzjoni tal-faqar għandu jibqa’ għan primarju fis-soċjetà tagħna, iż-żieda ta’ problemi tal-ambjent, żieda fi problemi ta’ saħħa mentali u l-over population jibqgħu sfidi urġenti li għandhom bżonn azzjoni ta’ pjan ċar fuq kif jiġu indirizzati biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.
Caritas Malta tibqa’ impenjata biex tagħti l-kontribut tagħha mal-persuni fil-bżonn, permezz tal-prevenzjoni u l-promozzjoni ta’ ħajja sana u permezz ta’ riċerka li twassal il-vuċi ta’ dawk li Caritas magħhom.