Tuesday, December 24, 2024

Carlo Ancelotti jgħaqqad Grand Slam ta’ kampjonati

Aqra wkoll

Carlo Ancelotti sar l-ewwel manager li rebaħ il-kampjonat fil-ħames kampjonati ew­lenin tal-Ewropa hekk kif Real Madrid għelbu lil Espanyol 4-0 biex rebħu La Liga.

Żewġ goals ta’ Rodrygo u tnejn oħra minn Marco Asensio u Karim Benzema kkonfermaw il-35 titlu Spanjol ta’ Real.

Huma jinsabu jgawdu 17-il punt fuq Sevilla li jinsabu fit-tieni post b’erba’ logħbiet oħra x’tintlagħbu.

Ancelotti rebaħ ukoll titli fis-Serie A tal-Italja, f’Ligue 1 ta’ Franza, fil-Premier League tal-Ingilterra u fil-Bundesliga Ġermaniża.

Real kellhom bżonn biss draw biex jirbħu t-titlu, iżda r-rebħa qatt ma kienet verament dubjuża ladarba Rodrygo sab ix-xibka minn eżatt ġewwa l-kaxxa l-kbira.

Il-Brażiljan irdoppja l-vantaġġ ta’ Real minuta qabel il- mistrieħ meta seraq il-pussess lil Sergi Gomez f’tarf il-kaxxa u b’xutt fil-baxx tefa’ fir-rokna tax-xibka.

Asensio temm kontrattakk veloċi qabel ma Benzema – li kien qed jistrieħ għas-semi-finali taċ-Champions League ta’ nhar l-Erbgħa kontra Manchester City f’moħħu – ħareġ minn fuq il-bank biex skorja r-raba’ goal minn pass lura ta’ Vinicius Jr.

Ancelotti ġie mħajjar lura għat-tieni perjodu ma’ Real is-sajf li għadda wara t-tluq ta’ Zinedine Zidane, meta ħalla lil Everton wara 18-il xahar mal-club tal-Premier League.

Il-coach ta’ 62 sena rebaħ ħa­mes titli maġġuri f’sen­tejn fil-Bernabeu bejn l-2013 u l-2015, fosthom ‘La Decima’ – l-10 Tazza Ewropea tagħhom – iżda t-titlu Spanjol ħarablu.

L-ewwel kampjonat tiegħu bħala manager kien ma’ Milan fl-2004, il-club fejn rebaħ il-kampjonat darbtejn bħala player fis-snin 80.

Il-Premier League ma’ Chelsea segwa fl-2010, qabel ma Ancelotti żied il-Ligue 1 ma’ Paris St-Germain fl-2013 u l-Bundesliga ma’ Bayern Munich fl-2017.

L-istaġun ta’ Ancelotti jista’ jintemm f’aktar glorja, għal­kemm Real iridu jdawru d-defiċit ta’ 4-3 fl-ewwel leg taċ-Champions League kontra s-City fil-Bernabeu.

Jekk jaslu sal-finali u jerfgħu t-trofew Ancelotti jsir l-uniku bniedem li rebaħ it-Tazza taċ-Champions jew iċ-Champions League erba’ darbiet bħala manager, wara li wassal ukoll lil Milan għar- rebħ tat-trofew fl-2003 u l-2007.

Ekonomija

Sport