Sunday, May 19, 2024

Futsal: Luxol u Valletta jgħaddu għall-finali

Aqra wkoll

Se jkunu Luxol u Valletta li se jikkontestaw il-finali tal-play-offs tal-Enemed Futsal Premier League wara li kisbu rebħiet importanti kontra Ta’ Xbiex u l-Universita’ ta’ Malta rispettivament.

Luxol St Andrews kellhom passaġġ faċli għall-finali hekk kif għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal 6-0 għal skor aggregate ta’ 12-1.

It-tim immexxi minn Gabriel Dobre kif mistenni ddomina din il-partita u rnexxielu jsib ix-xibka sitt darbiet wara żewġ doppjetti ta’ Matthew Attard u Everton Veve b’Maicon da Silva Gaiewski u Mark Zammit li wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Valletta ma kellhomx passaġġ faċli għall-finali għalkemm xorta rebħu lill-Universita’ ta’ Malta 2-1 għal skor aggregate ta’ 6-5.

Wara d-dro ta’ 4-4 fl-ewwel leg, il-Beltin qagħdu ferm attenti mill-avversarji tagħhom filwaqt li użaw l-esperjenza tagħhom sabiex kisbu dak li xtaqu.

Kienu l-Universita’ li marru minn fuq permezz ta’ Cleaven Portelli sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom. Fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu tajjeb u dawwru telfa f’rebħa wara gowls ta’ Jhonn Anderson u Luke Gatt.

Sadanittant saru magħrufa wkoll il-finalisti tal-Enemed Challenger League hekk kif Siġġiewi u St George’s għelbu l-ostakli li kellhom fis-semifinali sabiex għaddew għall-fażi l-aktar deċiżiva tal-istaġun.

Siġġiewi ssoprendew lit-tim li għadu kemm inqala’ mill-Premier League hekk kif għelbu lil Mellieħa 4-3 f’logħba li kien fiha minn kollox.

Is-Siġġiwin approfittaw minn xi żbalji difensivi sabiex ikkastigaw lit-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta li b’hekk temmew l-impenji tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

Shataizan Zarb skorja doppjetta għal Siġġiewi b’Ryan Muscat u Wallace Oliveira jgħaqqdu l-poker.

Mellieħa qatt ma ċedew u baqgħu sal-aħħar fil-partita grazzi għad-doppjetta ta’ Dusan Petrovic u gowl ieħor ta’ Marinko Solarevic.

Faisal Alnakuoo kien il-protagonista prinċipali għal St George’s li għelbu bl-iskor kbir ta’ 7-1 lil Naxxar Lions. Il-plejer Bormliż skorja erba’ gowls sabiex ta kontribut għal din il-kwalifikazzjoni b’Jose Luis Lopes, Karl Luke Schembri u Liam Caruana li wkoll sabu x-xibka.

Jose Angel Godar Pereira naqqas l-iskor għan-Naxxarin.

Sport