Il-coach ta’ Real Madrid, Carlo Ancelotti, jittama li Karim Benzema ikun tajjeb biex jiffaċċja lil Paris Saint-Germain fiċ-Champions League nhar it-Tlieta filgħaxija.
L-internazzjonali Franċiż tilef il-konfront kontra Granada fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet minħabba problema muskolari, u se jkun nieqes ukoll kontra Villarreal fil-La Liga llum is-Sibt.
Diversi rapporti kienu sostnew li l-attakkant ċentrali kien qed jitlef iċ-ċansijiet tiegħu biex ikun tajjeb għall-ewwel leg tal-konfront tal-aħħar 16 taċ-Champions League mal-ġganti Franċiżi.
Madankollu, Ancelotti qal li “jidher pożittiv” għall-player ta’ 34 sena, li mistenni jitħarreġ flimkien ma’ sħabu nhar il-Ħadd jew it-Tnejn bil-ħsieb li jkun disponibbli għal kontra PSG.
“Qed jidher pożittiv, ilu jaħdem għalih waħdu. Se nieħdu deċiżjoni nhar il-Ħadd jew it-Tnejn, meta mistenni jitħarreġ mal-iskwadra. Ma tantx nista’ ngħid ħafna aktar sa dak iż-żmien imma s-sensazzjonijiet tiegħu, tiegħi u t-tobba huma pożittivi,” qal Ancelotti.