Monday, December 23, 2024

Casa Antonia żżomm atmosfera ferriħija għar-residenti tagħha

Aqra wkoll

Anke qabel il-pariri dwar is-saħħa pubblika, Casa Antonia – dar għall-anzjani privata u residenza ta’ rtirar immexxija professjonalment li tinsab f’Ħal Balzan, – immedjatament ħadet azzjoni u għalqet il-bibien tagħha għall-barranin kollha.  Fl-istess ħin, għall-Għid, issa li t-temp hu ferm isbaħ u aktar sħun, Casa Antonia organizzat kunċert ta’ mużika klassika u popolari biex tferraħ l-atmosfera u tnaqqas is-sentiment ta’ iżolament tal-150 resident li bħalissa qed tospita.

“Qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipproteġu lir-residenti tagħna. Nifhmu li, matul dan il-perjodu, hu diffiċli ħafna għall-familji u ħbieb li għalissa ma jistgħux iżuru lill-għeżież tagħhom iżda, fl-istess waqt, qed nagħmlu dan kollu biex ir-residenti tagħna ikunu siguri u jinżammu fi spirtu tajjeb,” qalet Dr Sarah Cassar, il-Maniġer Ġenerali f’Casa Antonia.  Hi u l-istaff tagħha għadhom kif għaddew minn tliet ġimgħat magħluqin taħt lockdown f’Casa Antonia. 

Biex jaderixxu mal-proċeduri l-ġodda tas-saħħa, żewġ mużiċisti separatament daħlu mill-aċċess ta’ wara tar-residenza u ferrħu, dejjem b’mod separat, lir-residenti  fil-ġnien filwaqt li nżammu d-distanzi meħtieġa. Uħud mir-residenti segwew il-kunċert mill-gallariji tal-kmamar rispettivi tagħhom.  Permezz tal-arpa, Jacob Portelli daqq mużika klassika, filwaqt li Mario Mizzi daqq il-pjanu electriku u kanta xi kanzunetti popolari mill-passat. 

“Nixtiequ nassiguraw lil kulħadd li, biex innaqqsu minn kwalunkwe riskju, għandna protokoll strett fis-seħħ,” qalet Dr Cassar.  “Għandna kważi 70 membru tal-istaff, inklużi infermiera, carers, staff tal-kċina, wejters, cleaners, staff tal-manutenzjoni, anke l-ġardinar, u jiena stess, li ilna f’lockdown u ’l bogħod mill-familji tagħna għal tliet ġimgħat.  Casa Antonia, fil-fatt, kienet waħda mill-ewwel residenzi li addottat lockdown totali.”

Il-maniġment investa f’għadd ta’ iPads biex ir-residenti jibqgħu konnessi mal-maħbubin tagħhom permezz ta’ Skype, Facetime jew Zoom.  Qed isir kull sforz biex tinżamm ir-rutina normali ta’ kuljum, dik li r-residenti mdorrijin biha.  L-attivitajiet ta’ divertiment u crafts ikunu organizzati kuljum.  Wieħed mir-residenti hu monsinjur u dan jagħmilha possibbli li ssir quddiesa kuljum fil-kappella ta’ Casa Antonia. 

Fl-istess ħin, filwaqt li parti mill-istaff jinsab f’lockdown ta’ tliet ġimgħat biex jassisti lir-residenti, l-istaff amministrattiv qed jaħdmu minn darhom stess, u jappoġġjaw lill-istaff li jkun jinsab ġewwa għal kwalunkwe rikjesti li jistgħu jinqalgħu. 

“Is-sitwazzjoni titlob aktar flessibbiltà, għalhekk, pereżempju, il-persuna li tieħu ħsieb l-istore tasal hemmhekk kull filgħodu u taħdem mill-karozza tagħha, filwaqt li tistenna li jsiru l-konsenji lejn ir-residenza.  Din il-persuna m’għadx għandha aċċess għall-istore, u b’hekk tiċċekkja l-konsenji kollha barra u wara tħallihom fid-daħla tal-bieb tas-servizzi biex l-istaff tal-manutenzjoni jieħduhom ġewwa.  Eżempju ieħor hu l-courier tar-residenza. Dan xorta jwettaq il-qadi ta’ kuljum tagħha, hekk kif jiġbor u jieħu konsenji lejn Mater Dei u destinazzjonijiet oħra, iżda ma jidħolx fir-residenza biex jirrispetta l-lockdown.  Persuna oħra li tappoġġja lill-istaff minn barra hi l-kordinatriċi tal-attivitajiet tar-residenza. Hi tħejji oġġetti għal sessjonijiet ta’ crafts u dekorazzjonijiet, bħal arranġamenti ta’ fjuri, barra fil-ġnien, hekk kif qed nagħmlu dak kollu possibbli, anke f’dawn iċ-ċirkostanzi, biex tinżamm atmosfera ferriħija għar-residenti f’Casa Antonia,”  spjegat Dr Cassar. 

Ekonomija

Sport