Monday, May 13, 2024

Sentejn ħabs għal mara li ma ffirmatx l-għassa

Aqra wkoll

Mara ta’ 44 sena li tgħix il-Belt kienet ikkundannata sentejn ħabs wara li għal dawn l-aħħar xahrejn naqset li tiffirma fl-għassa tal-Pulizija b’rabta mal-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każijiet relatati mad-droga.

Ersilia Gauci ammettiet li fl-10 ta’ April, u fix-xhur ta’ qabel, naqset li tħares il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fit-28 ta’ Marzu 2018 u mill-Maġistrat Josette Demicoli fid-29 ta’ Marzu 2019.

Il-mara, li għandha problema bil-vizzju tad-droga, kienet tressqet b’akkużi dwar traffikar ta’ droga imma minkejja li l-imsemmijin żewġ maġistrati ordnawlha tiffirma l-aħħar darba li għamlet hekk kien fit-3 ta’ Frar li għadda.

Il-Pulizija ma rnexxilhix issibha fl-indirizz tal-Belt li hija kienet tat lilha u lill-imsemmijin maġistrati u kien għalhekk li bdiet tfittxija għall-mara sakemm din eventwament instabet it-Tnejn f’post ieħor.

Wara li ammettiet u l-Maġistrat Ian Farrugia ikkundanaha sentejn ħabs hija nstemgħet tgħid li ħasbet li kienet se teħel sitt xhur bl-imsemmi maġistrat xejn ma ħa gost b’dan u weġibha li 10 snin missha tiġi l-liġi waqt li iddikjara li huwa għalhekk ma jaqbadx jagħti l-ħelsien mill-arrest kif ġieb u laħaq.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Frank Anthony Tabone, li investigaha fuq iż-żewġ każijiet tat-traffikar, waqt li Gauci kellha jiddefendiha lill-Avukat Mark Mifsud Cutajar.

Sport