Wara stennija ta’ tmien snin, Ħal Qormi reġa’ qed jilbes il-libsa tal-festa biex jiċċelebra t-tradizzjoni li sawwret l-identità tiegħu: il-ħobż. Magħruf storikament bħala Casal Fornaro (ir-raħal tal-furnara), Huwa fatt dokumentat li qabel ma l-Ordni tal-Kavallieri bnew il-fran tagħhom fil-Belt Valletta, il-bereġ, il-Palazz u l-isptar tal-Kavallieri kienu jiġu pprovduti kollha b’ħobż frisk u bnin mill-fran Qriema. Din kienet għażla naturali, kemm minħabba r-reputazzjoni eċċellenti tal-furnara tagħna, kif ukoll għax Ħal Qormi kien l-eqreb raħal kbir lejn il-kapitali l-ġdida.
Il-Ħobża tal-Malti: Aktar minn Sempliċi Ikel

Il-ħobża tradizzjonali—magħmula minn taħlita ta’ għaġina ffermentata u mħejjija f’żewġ daqsijiet tradizzjonali, ir-ratal (madwar 800g) u n-nofs ratal (madwar 400g)—hija unika għall-gżejjer tagħna. Għalkemm iż-żmien inbidel, l-ispejjeż żdiedu u ħafna fran qalbu għall-gass jew l-elettriku, il-furnara tradizzjonali tagħna għadhom iħaddnu s-sengħa li rċevew mingħand missirijiethom. Minbarra l-ħobża tonda b’qoxra tqarmeċ u qalba ratba, id-dinja tal-ħami Malti toffrilna l-ftira bnina (il-ftira Maltija li hija meqjusa bħala prodott artiġjanali u tradizzjonali ħafna. Fil-fatt, l-arti tal-ftira Maltija u l-kultura tagħha huma tant uniċi li fl-2020 ġew uffiċjalment inklużi mill-UNESCO fil-Lista Rappreżentattiva tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità.) u l-Qagħqa tal-Appostli. Il-ħobża Maltija mhix biss prodott lokali; ma jistax jonqos li aħna kburin b’dan il-wirt nazzjonali.
Nostalġija u Memorji tat-tfulija
Staqsi lil kull Malti li jgħix barra minn xtutna x’inhu l-aktar li jimmissja min art twelidu. Bla dubju t-tweġiba tkun il-ħobż Malti. Il-ħobż tagħna huwa marbut mal-memorji tat-tfulija:
Ħobż biż-Żejt: Esperjenza Unika
Il-mod favorit u l-aktar msaħħar kif ingawdu l-ħobża huwa l-Ħobż biż-Żejt. Din il-kombinazzjoni sempliċi imma rjali ġġib f’moħħna l-isbaħ memorji tal-pikniks ħdejn il-baħar u l-iljieli tas-sajf fuq il-bjut jew fil-btieħi għad-dell. Ħobża friska jew ftira midluka bit-tadam jew bil-kunserva, bi ftit żejt taż-żebbuġa tajjeb, u mimlija skont il-gosti: tonn taż-żejt, żebbuġ, kappar, basla, bigilla, u biċċa ġbejna tal-bżar. Il-ħobż Malti bla dubju jgħaqqadna flimkien bħala poplu wieħed.
Festa Ħobż u f’Casal Fornaro

Intant nhar il-Ġimgħa, 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru nistednukom tingħaqdu magħna għall-Festa Ħobż serata li tiċċelebra wieħed mill-aktar elementi sinonimi mal-identità Qormija – il-ħobż u f’Casal Fornaro, żewġ attivitjiet fejn wieħed jidħol fil-Belt tal-Ħobża Maltija, jimxi fit-toroq mżejna b’mod tradizzjonali, japprezza l-għexieren ta’ wirjiet li wieħed isib, kif ukoll jerġa’ jgħix d-drawwiet u tradizzjonijiet ta’ missirijietna grazzi għad-divertiment, drama, żfin u kant folkloristiku, wirjiet artistici u l-ikel offrut.
Festa Ħobż: fost attivitajiet oħra matul dan il-lejl maġiku fi Triq San Benedittu, nistgħu nsegwu l-kompetizzjoni tal-itjeb pudina magħmula d-dar, diskussjoni dwar il-lessiku tal-furnara minn Edward Schembri, kif ukoll Cinema Corner fejn se nkunu nistgħu mmorru lura fiż-żmien u naraw xi dokumentarji dwar il-Warner Theatre, Ġużè Muscat Azzopardi u Dr Ġorġ Zammit.
Is-suċċess ta’ din l-attività huwa possibbli grazzi għall-atmosfera li tinħoloq fl-eqdem toroq tal-Belt Pinto l jiġu mlibbsa l-libsa ta’ Casal Fornaro, kif Ħal Qormi kien magħruf miż-żmien il-Kavallieri, grazzi għal diversi pavaljuni antiki u dekorazzjonijiet oħra tal-passat fosthom fanali, fustuni tax-xemgħat u għodda tradizzjonali.
Barra minn hekk, l-attrazzjonijiet ewlenin żgur se jkunu id-diversi palkijiet, li kull wieħed joffri drama, għana, brass bands, marċi mill-baned tal-kunsill Reġjonali, kif ukoll il-Banda tal-Pulizija, spettakli mużikali minn gruppi u kantanti stabbiliti, fosthom Spiteri Lucas Band u The Travellers kif ukoll Kantera u l-Versatile Band u talent lokali. U fuq kollox se nattendu għat-Tieġ Malti.
Se jkun għall-wiri wkoll, ix-xelter ta’ taħt l-Għassa tal-Pulizija li għandu minn żmien il-Kavallieri.
Waqt dawn l-attivitajiet, numru sabiħ ta’ anzjani jesibixxu x-xogħol tagħhom fosthom dak bl-arkett, ganutell, bizzilla u anke diversi snajjiet u kollezzjoniiet oħra. B’dan il-mod, din l-attività isservi wkoll sabiex toħloq kuxjenza dwar kemm l-anzjani għandhom x’jgħallmu u għadhom x’jagħtu lis-soċjetà.

Din is-sena din l-attività hija imtellgħa mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, Għaqda tan-Nar San Sebastjan, Għaqda Armar San Sebastjan u Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi bl-għajnuna kbira tad-ditta Maypole Ltd, kif ukoll bil-kooperazzjoni ta’ Visit Malta, Arts Council Malta, Kunsill Lokali Ħal Qormi, Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Social Causes Fund, Rock n Malta mħaddem minn Festivals Malta, Aquaculture Fund, Skema komunitajiet aktar inklussivi Sponsors u azjendi privati.
Infakkarhom fil-ġranet u l-ħinijiet: Nhar il-Ġimgħa, 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru mis-7.00 ‘l quddiem. Mhux ta’ min jitlifhom. Narawkom.
Doris Zammit
Kunsilliera Lokali Ħal Qormi
