Aaron Busuttil u Chris Peplow komplew javvanzaw waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tat-timijiet tal-Irġiel fejn, l-Erbgħa, f’Sofia, il-Bulgarija, issuperaw żewġ rawnds importanti u issa huma l-finalisti ta’ din l-edizzjoni.
B’dan ir-riżultat Malta għat-tielet sena konsekuttiva hija finalista f’din il-komptezzjoni li sfortunatament fis-sentejn li huma spiċċajna fit-tieni post. Busuttil u Peplow kienu l-finalisti fil-Portugal, sentejn ilu filwaqt li s-sena l-oħra, Philip Ciantar u Isaac Borg kienu tilfu l-finali fl-Albanija. Fiż-żewġ finali Malta kienet tilfet kontra l-Ukranja.
Żgur li Busuttil u Peplow li qed jiffurmaw it-tim, Malta 1, din is-sena jinsabu f’forma eċċezzjonali, biss biss fil-ħames logħbiet li lagħbu f’din il-kompetizzjoni s’issa ma tilfu l-ebda frames.
Huma bdew f’rebħa fil-kwarti tal-finali kontra Poland 2 (Michał Kotiuk u Jakub Chromy) fejn rebħu bil-punteġġi ta’ 82-44, 69-18, 54-35.
Wara nofsinhar reġgħu kienu dominanti fuq il-Ġermanja 1 (Alexander Widau u Simon Lichtenberg) u rebħu bl-iskors ta’ 60-2, 85-49, 76-16.
L-avversarji ta’ Busuttil u Peplow fil-finali li ser tintlagħab, il-Ħamis fid-9 a.m., ser ikunu Polonja 1 (Tomasz Skalski u Paweł Rogoza).
Fl-aħħar parti ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker ser isiru il-kompetizzjonijiet tas-6 Reds u s-Shoot Out. Għas-6 Reds li tibda l-Ħamis u tintemm il-Ħadd ġew irreġistrati 76 plejer fosthom, ħames Maltin li ser ikunu Aaron Busuttil, Chris Peplow, Alex Borg, Joseph Casha u ibnu Caiden Casha.




