Il-Partit Laburista se jiċċelebra Jum il-Ħaddiem fl-1 ta’ Mejju b’mass meeting li se jsir fi Pjazza Kastilja l-Belt Valletta. Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Ian Borg u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba f’messaġġ minn Pjazza Kastilja.
Huma spjegaw kif fl-1 ta’ Mejju se jittella’ spettaklu kbir bis-sehem tal-aqwa kantanti u mużiċisti lokali se jibda fl-4 ta’ wara nofsinhar, biex il-qofol jintlaħaq bid-diskors importanti u tant mistenni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela. Qabel se jkun hemm ukoll il-Banda tal-Partit Laburista ddoqq fit-toroq tal-Belt.
Ian Borg u Alex Agius Saliba qalu li l-Partit Laburista din is-sena se jkun qed ifakkar il-100 sena mindu beda jiċċelebra Jum il-Ħaddiem fl-1 ta’ Mejju. L-ewwel ċelebrazzjoni tal-1 ta’ Mejju 100 sena ilu kienet saret fl-Isla. Strumentali biex tkun iċċelebrata għall-ewwel darba din il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem kien John F Marks, ħaddiem tat-tarzna mill-Isla.
Dan il-jum huwa marbut mal-Partit Laburista sa mit-twaqqif tiegħu tant li l-100 anniversarju ta’ Jum il-Ħaddiem huwa xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista minn dejjem kien moviment tal-ħaddiema li ried itejjeb b’mod konkret il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, minkejja l-oppożizzjoni qawwija li kellu dak iż-żmien, tant li ħabbat wiċċu mal-forzi konservattivi li dejjem inqdew bil-bidla biex ibeżżgħu lin-nies.
Gvernijiet Laburisti tal-imghoddi u tal-preżent dejjem stinkaw biex taw spinta lill-klassi tal-ħaddiema. Tant hu hekk li saru bosta kisbiet sinifikanti li għamlu differenza kbira, kemm bħala drittijiet kif ukoll bħala kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, u anke meta l-ħaddiema jiġu biex jirtiraw għax dan il-partit ħa ħsieb ukoll iwieżen lill-pensjonanti.
Id-Deputati Mexxejja qalu li għaż-żmien li ġej, il-Partit Laburista se jibqa’ kommess li jkompli jibni fuq dawn il-kisbiet, uħud minnhom storiċi għall-ħaddiema u l-pensjonanti, b’impenn u b’garanzija li fiż-żmien li ġej ikollna pajjiż aħjar.


