Elaine Meli ammettiet li żammet il-kelb f’kundizzjonijiet inabitabbli u mhux xierqa hekk kif il-qorti imponiet multa ta’ €10,000 u projbizzjoni milli żżomm il-klieb għal ħames snin.
Il-każ imur lura għat-13 ta’ Frar 2024, u fil-ġranet u ġimgħat ta’ qabel, fejn Meli ġiet akkużata li ġiegħlet annimali jsofru, żammet annimali mingħajr ma tathom trattament xieraq, naqset li żżommhom f’ambjent xieraq, żammet kelb fi spazju limitat, m’avżatx lid-Direttur fi żmien sebat ijiem bit-trasferiment ta’ kelb u ma rreġistratx għand id-Direttur bħala breeder.
Meli ammettiet għall-akkużi dedotti kontriha. Hi kkommettiet r-reat fuq razzett ġewwa ż-Żurrieq.
Il-qorti semgħet kif l-akkużata kisret diversi regoli fuq iż-żamma tal-annimali, u mmultata €10,000 kif ukoll ordni li ma żżommx annimali u lanqas toqgħod fejn jinżammu l-annimali għal ħames snin.
L-Ispettur Elliot Magro pprosekuta. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ppresediet fuq il-każ.


