Friday, December 13, 2024

Ċelebrazzjoni ta’ Ħut Lokali fil-Malta International Fish Fest 2024 f’Marsaxlokk

Aqra wkoll

Il-Malta International Fish Fest 2024 ittellgħet għal darboħra b’suċċess ġewwa Marsaxlokk, nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, il-Malta International Fish Fest 2024 ċċelebrat il-ħidma tas-sajjieda lokali f’ċelebrazzjoni ta’ ħut lokali, partikolarment il-lampuka li bħalissa tinsab fl-istaġun tagħha. Bosta għaqdiet u produtturi lokali kellhom l-opportunità li jesponu l-prodotti lokali tagħhom b’esebiti diversi relatati mas-settur tas-sajd li laqtu l-gosti ta’ kulħadd, fosthom mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta.

Din iċ-ċelebrazzoni rat ukoll diversi bankarelli ta’ ikel relatat mal-ħut u frott tal-baħar, minn torti tal-lampuki, għall-aljotta tradizzjonali, fish and chips, u anki platters tal-ħut. In-nies preżenti setgħu wkoll jgawdu minn spettaklu mill-isbaħ ta’ għana u mużika lokali, fosthom bil-band Bernie and Pod, Sarah Bonnici u l-band, kif ukoll Sterjotipi.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, fil-preżenza tas-Sindku ta’ Marsaxlokk Stephen Grima, fetħet uffiċjalment din is-serata ċelebrattiva f’Marsaxlokk. Hija qalet li din il-festa hija ċelebrazzjoni ta’ ħut lokali li teżalta l-ħidma tas-sajjieda lokali li ta’ kuljum joħorġu fuq il-bastimenti tagħhom sabiex jaqbdu s-sajda tagħhom. “Festa Ħut nistgħu ngħidu li daħlet fil-kalendarju tal-Maltin u Għawdxin fejn tkun mistennija mhux biss mis-sajjieda, imma mill-pubbliku li jattendi għaliha bi ħġaru,” qalet Bugeja Said.

Filwaqt li rringrazzjat lil kull min ta sehemu sabiex din l-edizzjoni tal-Malta International Fish Fest tittella’, hija rringrazzjat lis-sajjieda kollha, lill-bejjiegħa tal-ħut, u lill-għaqdiet li kienu parteċipi f’din l-edizzjoni.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern reġa’ għażel li jtella’ il-Malta International Fish Fest f’Marsaxlokk. Huwa sostna l-importanza li jsiru attivitajiet bħal dawn li jgħollu l-livell tal-lokal ta’ Marsaxlokk b’numru kbir ta’ viżitaturi mhux biss lokali, iżda wkoll turisti li jiġu f’pajjiżna, biex b’hekk jaraw il-ħidma li tkun għaddejja ta’ kuljum f’dan ir-raħal pittoresk.

Id-Direttur tal-Operat fi ħdan il-Ministeru, Estelle Bonello Sant, tkellmet dwar ix-xogħol li sar sabiex Festa Ħut setgħet tittella’ għal darboħra f’Marsaxlokk. L-impenn tal-għaqdiet lokali, b’mod partikolari tal-Kunsill ta’ Marsaxlokk, kien essenzjali sabiex din iċ-ċelebrazzjoni setgħet tittella’ b’suċċess u tikber mis-snin preċedenti. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tad-dipartiment tagħha li b’dedikazzjoni rnexxielhom iwettqu proġett ieħor bħal dan.

Ekonomija

Sport