Sunday, November 24, 2024

ĊELEBRAZZJONI TA’ MĦABBA ANKE FIS-SEMPLIĊITÀ

Aqra wkoll

Illum qed jintlaħaq il-qofol ta’ inizjattiva filantropika – Rigal b’Imħabba.  Inizjattiva importanti annwali li għandha l-għan li jinġabru rigali għat-tfal li m’għandhomx min jagħtihom rigal.

L-inizjattiva isservi bħala tifkira lil kull wieħed u waħda minna, li mhux kull tifel u tifla f’pajjiżna jistgħu jgawdu dan iż-żmien sippost meqjus bħala wieħed sabiħ u ta’ festa. Li mhux kull tifel u tifla f’pajjiżna huma ixxurtjati biżżejjed li jħarsu lejn dan iż-żmien b’ħeġġa għal dak ir-rigal taħt is-siġra tal-Milied.

Ta’ min wieħed isemmi li bejn wieħed u ieħor hemm 450 tifel u tifla li qegħdin jgħixu ’l bogħod mill-familji tagħhom. Dawn jinkludu tfal li qegħdin jgħixu ma’ qraba oħra jew li qegħdin f’foster homes. Tfal li fil-mument qegħdin jgħixu fid-djar residenzjali hemm 203.

Dan iż-żmien iservi wkoll bħala tifkira li f’pajjiżna għad hemm faxex tas-soċjetà li għadhom ibatu. Li għadhom neqsin mid-dritt li jgawdu il-ferħ li jġibu żminijiet bħal dawn. Din l-inizjattiva hija tifkira li l-faqar sentimentali għadu magħna.

Realtà kiefra li f’soċjeta żviluppata li qed ngħixu fiha m’għandhiex teżisti. Realtà li għal ħafna xhur tas-sena ftit tissemma. U filwaqt li inizjattiva bħal din hija importanti, hemm bżonn li bħala gvern imma wisq aktar bħala poplu naġixxu.

Naġixxu biex fil-verità inizjattivi bħal dawn ma jkunux aktar neċessarji għal daqstant nies. Però dan m’għandux inaqqas mill-ġest filantropiku ta’ ‘Rigal b’Imħabba li għal darba oħra wera l-ġenerożità kbira tal-poplu Malti.

Poplu zgħir b’qalb kbira li kull meta ntalab jgħin, qatt ma żamm lura milli jagħti sehmu lil min hu inqas ixxurtjat minnu anke jekk. Imma fuq kollox nemmnu li l-aqwa rigal ma ssibu taħt l-ebda siġra.

L-aqwa rigal ma jiswiex flus. L-aqwa wieħed huwa dik l-ispalla fejn għalkemm irridu nkunu realistiċi u b’kuxjenza nirrikonoxxu li impossibbli ħadd ma jitħalla fis-solitudni, kemm jista’ jkun inkunu aħna l-ewwel nies li ma nabbandunawx lill-qraba tagħna li nafu li se jkunu waħidhom f’dawn iż-żminijiet minħabba t-telfiet tal-għeżież tagħhom kawża tal-proċess tal-ħajja li ħadd m’għandu kontroll fuqu.

Minbarra dawn hemm persuni oħra li fis-skiet jinsabu waħidhom f’residenzi bħalma huma dawk tal-anzjani, residenti li l-ħajja ħalliethom bla familja u li minħabba diversi raġunijiet, telefonata tista’ tkun l-aqwa rigal tagħhom f’ħafna snin.

Hawnhekk ta’ min infaħħru lil dawk il-voluntiera li ta’ kull sena, mingħajr daqq ta’ trombi jaraw kif jgħinu f’dan l-aspett. Fid-dawl ta’ dan kollu importanti li nrawmu lill-aktar ċkejknin biex kuljum u mod speċjali f’dawn il-ġranet ta’ festi, inwarrbu d-distinzjoni bejn dawk li jistgħu jiċċelebrawhom bl-aktar mod lussuż u dawk li għalihom tgħanniqa u platt sħun huwa ferm aktar milli biżżejjed.

Sport