Monday, November 4, 2024

Ċelebrazzjoni tad-diversità u l-ugwaljanza b’ħarsien tas-saħħa mentali

Aqra wkoll

Matul l-għaxart ijiem ta’ attivitajiet tal-EuroPride Valletta 2023, li jibdew il-Ħamis li ġej, ser tingħata attenzjoni speċjali lis-saħħa mentali b’servizzi ta’ appoġġ lil min jeħtieġhom.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg spjegat li b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond u mar-Rainbow Support Service (MGRM), fil-EuroPride Village, f’Pjazza Tritoni, se jipprovdu s-servizzi professjonali tagħhom lil persuni li jkollhom bżonn appoġġ psikoloġiku jew minn social workers.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg f’laqgħa mal-kordinatur tar-Rainbow Support Service Colette Farrugia Bennett u mal-Aġent Kap Eżekuttiv tar-Richmond Daniela Calleja Bitar, qalet li dawn is-servizzi jistgħu jkunu meħtieġa għaliex il-EuroPride tista’ tiġġenera ansjetà f’persuni li jistgħu għadhom qed ifittxu biex jistabbilixxu l-identità tagħhom, fil-familji tagħhom, u f’persuni oħrajn li jistgħu jħossuhom vittimizzati u bullied b’kummenti li jistgħu jiffaċċjaw fuq il-midja soċjali riżultat ta’ preġudizzji u eterophobia.

Il-kordinatur tar-Rainbow Support Service Colette Farrugia Bennett qalet li mill-esperjenza tagħhom ta’ għaxar snin jaħdmu ma’ persuni LGBTIQ+ u l-familji tagħhom, dawn huma aktar esposti għal sfidi ta’ saħħa mentali minħabba li huma parti minn minoranza u anke għax għadhom ibatu minn stigma soċjali inġusta.

Farrugia Bennett qalet li għalkemm is-sitwazzjoni lokali tjiebet bil-liġijiet li saru għall-ugwaljanza, għad hemm sfidi soċjali li għad iridu jiġu indirizzati. Stqarret li l-EuroPride għandha tkun okkażjoni biex tindirizza dawn l-isfidi.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Fondazzoni Richmond Daniela Calleja Bitar appellat għas-sensittività minn kulħadd lejn persuni LGBTIQ+ għaliex kummenti mhux flokhom li huma riżultat tal-preġudizzji jaf ikollhom konsegwenzi gravi ħafna fuq min huwa vulnerabbli b’inċertezza dwar l-identità sesswali tiegħu.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li f’dan il-kuntest, fil-EuroPride trid tingħata prijorità lis-saħħa mentali b’dawn is-servizzi. Stqarret id-dispjaċir tagħha li sforz preġudizzji għad hawn bosta ideat żbaljati dwar il-komunità LGBTIQ+. Żiedet tgħid li hemm bżonn ħafna aktar edukazzjoni biex din il-mentalità u attitudni diviżiva ta’ x’uħud tgħarraf ir-realtajiet tal-ħajja.

Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li l-EuroPride, li Malta qed tospita d-29 edizzjoni tagħha, hija ċelebrazzjoni tal-imħabba u tal-avvanzi li saru favur l-ugwaljanza.

Sport