Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella bdiet tinstema’ l-kumplikazzjoni fil-konfront ta’ Faisal Iddrisu, raġel ta’ 34 sena mill-Ghana mixli bil-qtil doppju li seħħ fil-15 t’Ottubru li għadda fil-Marsa fost l-oħrajn.
Il-vittmi huma Joe Bartolo ta’ 73 sena u s-sieħba tiegħu Carmen Abela ta’ 56 sena u l-imputat kien jgħix fir-razzett fejn kienet tgħix il-koppja.
L-imputat jinsab mixli wkoll bl-attentat ta’ qtil ta’ mara Niġerjana li kienet fost żewġ persuni li kienu jgħixu fl-istess razzett u li quddiemhom seħħ l-argument. Faisal jinsab mixli wkoll li darab gravi lil din il-mara u li darab ħafif kemm lir-raġel Niġerjan li kien magħha kif ukoll kuntistabbli tal-Pulizija. Hu mifhum li ż-żewġ Niġerjani pruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni u aktar tard għenu biex żammew lill-imputat sakemm ġie arrestat mill-Pulizija. L-imputat qiegħed jiċħad dawn l-akkużi miġjuba kontrih.
Jixhed l-Ispettur Kurt Zahra
L-ewwel li ssejjaħ biex jixhed kien l-Ispettur Kurt Zahra li investiga l-każ li beda biex jixhed li l-Ħadd 15 t’Ottubru għall-ħabta tad-9.30am, l-għassa tal-Ħamrun kienu infurmati li kien hemm persuna fi Triq Diċembru 13, li kellu sikkina f’idu. Qal li l-pulizija marru jagħmlu rondi fl-inħawi iżda ma sabu xejn.
Spjega li d-delitt seħħ fi Triq it-Tiġrija l-Marsa f’fond 2A fiż-żona li huma jsibuha bħala l-Horse Riding School antika. Qal li raw lill-imputat b’ħadida kbira f’idu, bolt cutter, qisha tnalja kbira normalment tintuża biex taqta’ x-xbieki u ħadid u raġel ieħor jipprova jwaqqfu.
Kompla biex jixhed li l-Pulizija qalu li r-raġel bil-ħadida f’idu kien qabeż grada fil-viċin filwaqt li l-ieħor kien ħdejhom bilqiegħda. L-ewwel wieħed, ġie arrestat mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Surġent mill-għassa tal-Ħamrun ġiet informata li l-persuna tal-ħadida f’idejh, kien agredixxa żewġ persuni li kienu fil-fond 2A. Is-Surġent daħlet f’dan il-fond fejn sabet żewġ persuni li kienu bla ħajja. L-Ispettur Zahra kompla jispjega kif ir-raġel kien ġie miżmum minkejja li baqa’ joffri reżistenza anke sal-wasla tiegħu fuq il-post.
Mara Niġerjana tgħid li qalgħet daqqa b’ħadida mill-imputat
L-Ispettur filwaqt li ra l-vittmi bla ħajja nnota li kien hemm ukoll żewġ persuni oħra Niġerjani, mara u raġel li kienu qed jingħataw il-kura. Mar ikellimhom u l-mara allegat li kienet ġiet aggredita b’ħadida kbira mill-imputat. Qalet li waqt li kienet qiegħda taħsel snienha, xi ħadd taha daqqa minn wara u spiċċat fl-art. Hija qalet li kienet toqgħod f’waħda minn dawn l-istalel li kienu jintużaw bħala kmamar mikrijin.
Min-naħa l-oħra r-raġel Niġerjan sostna mal-Pulizija li kien sema lil oħtu tgħajjat u saħansitra ra lill-imputat b’ħadida f’idu. Qal li kien ukoll qala’ daqqa mingħand l-imputat f’rasu iżda rnexxielu jżommlu l-istess ħadida u qallu li jekk kellu xi problema kellu jkellem lis-sidien tal-post. L-Ispettur xehed li wara huma dehru minn filmati tas-sigurtà mexjin lejn il-vittmi, bin-Niġerjan jibqa’ jżomm il-ħadida mal-imputat, iżda meta waslu fejn il-vittmi dawn kienu diġà bla ħajja fl-art.
Kellu jintuża taser gun waqt l-arrest
Kompla jixhed li fil-qrib kien hemm l-uffiċċju tal-pulizija mis-sezzjoni tal-Kavallerija li semgħu storbju u telgħu fuq il-bejt tal-old horse riding school biex jaraw x’ġara. Innotaw raġel b’ħadida f’idu u ieħor li prova joħodhielu. L-Ispettur spjega li biex ġie arrestat l-imputat kellu jintuża t-taser gun, u fil-fatt wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija ġarrab ġrieħi ħfief f’wiċċu waqt l-arrest tiegħu.
Instabet mejta bil-mobile f’idha
Meta daħal fil-post tad-delitt, l-Ispettur Zahra nnota l-ewwel l-katavru ta’ Carmen Abela li kien qiegħed jimblokka l-bieb u li kien għad kellha l-mobile f’idejha. Innota wkoll ħafna dmija fl-art u biswit tagħha kien hemm il-katavru ta’ Joseph Bartolo li kien wiċċu ‘l fuq bil-ħwejjeġ ta’ taħt.
L-Ispettur Zahra kompla jixhed li ġew identifikati numru ta’ xhieda li ġew mitkellma. Ħu Carmen Abela, Joseph, qal li sa xahar qabel, oħtu kienet gergret miegħu li kien hemm xi nies li jgħixu hemm li mhux iħallsu l-kera. Ġew mitkellma wkoll Natalia u Joseph Scicluna li jiġu minn Joseph Bartolo. Qal li Natalia fid-9.16 a.m kienet irċeviet telefonata mingħand Carmen Abela fejn qaltilha biex imorru hemm għax hemm raġel ta’ karanaġġjon iswed qed jaggredihom.
L-Ispettur Zahra kompla jixhed li l-pulizija tal-control room, irċevew telefonata mingħand Carmen tgħidilhom biex imorru fuq il-post għax kien hemm raġel qed iħebb għalihom. Pulizija staqsieha jekk għadux wara l-bieb u Carmen qaltlu iva u wara tinstema Carmen tgħajjat “go away, go away”, instema’ t-tisbit u sussegwentament waqgħet il-linja.
L-Ispettur Kurt Zahra kompla jixhed li l-għada ġie infurmat li Faisal kien se jiġi rilaxxat mill-isptar għax ittieħed hemm għall-osservazzjoni u wara ġie skortat għal lock-up tal-pulizija.
L-imputat beda jinstabat fl-art u l-interrogazzjoni ma saritx
L-Ispettur qal ukoll li kien hemm kwistjoni dwar kif se jikkomunikaw mal-imputat minħabba l-lingwa u ġie deċiż li jintbagħat għall-avukat tal-għajnuna legali tiegħu biex ikunu jistgħu jipproċedu bl-interrogazzjoni. Intqal ukoll li malli l-avukat tiegħu Joe Brincat mar depot, l-imputat qabad jinstabat mal-art u l-interrogazzjoni ma saritx imma kellhom iressquh il-Qorti għax kienu se jiskadu 48 siegħa.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ikkonfemat l-esperti kollha, fl-inkjesta maġisterjali li għadha kemm ġiet esebita. L-avukat Joe Brincat talab biex jara liema huma l-esperti li tqabbdu fl-inkjesta. Il-Maġistrat qaltlu li għandu 24 siegħa sabiex iressaq rikors biex jikkontesta n-nomina tal-esperti fl-inkjesta.
Il-każ ikompli jinstema’ għada. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Pulizija mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Elisia Scicluna. L-avukat Joe Brincat qed jidher għall-l-imputat filwaqt li l-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Franco Debono qed jidhru għall-familjari tal-vittmi.