Il-Wildlife Rehabilitation Centre l-ġdid li jinsab fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin se jipprovdi ambjent u faċilitajiet aħjar għar-riabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi feruti kif ukoll se jservi bħala ċentru għar-riċerka u l-edukazzjoni ambjentali. Dan iċ-ċentru diġà qed joffri kura lil disa’ fkieren tal-baħar u seba’ qniefed.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fil-preżenza tal-President ta’ Nature Trust Malta Vince Attard u d-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea.
Iċ-ċentru ġie żviluppat minn Nature Trust Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta, b’investiment ta’ €2.5 miljun kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni jinkludi faċilitajiet ta’ riabilitazzjoni għal diversi annimali selvaġġi, inklużi fawna tal-baħar, tal-art u tat-tjur. Dan iċ-ċentru se jservi bħala santwarju għall-irkupru ta’ dawn l-annimali qabel jiġu rilaxxati mill-ġdid fil-habitats tagħhom.
Iċ-ċentru se jipprovdi faċilitajiet aħjar lill-Wildlife Rescue Team fi ħdan Nature Trust Malta, li jirċievi għajnuna finanzjarja mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u kontributuri oħra, sabiex isalva u jieħu ħsieb annimali selvaġġi feruti.
Il-proġett jinkludi wkoll Ċentru ta’ Riċerka tal-Baħar u żona edukattiva għat-tfal u l-viżitaturi, fejn ikunu jistgħu jitgħallmu dwar l-annimali selvaġġi Maltin u l-konservazzjoni tagħhom.
Iċ-ċentru jinsab fil-bini preċedenti tal-istazzjon tar-radju Deutsche Welle, li għalaq fl-1996. Il-bini, li huwa rikonoxxut bħala struttura ta’ valur ta’ wirt industrijali sinifikanti, ġie restawrat u ingħata l-ħajja mill-ġdid bħala ċentru tal-annimali selvaġġi. Jinkludi wkoll diversi elementi sostenibbli bħall-enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u sistemi ta’ immaniġġjar tal-iskart.
Bl-appoġġ ta’ Ambjent Malta, tħawlu aktar minn 20,000 siġra u arbuxelli indiġeni madwar il-bini u f’żoni oħra tal-park naturali, u b’hekk ħolqu ekosistema b’saħħitha.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett jimmarka pass sinifikanti ’l quddiem għar-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-fawna selvaġġa f’Malta, filwaqt li enfasizzat l-impenn ta’ Malta biex jippreserva d-diversità ekoloġika tiegħu.
“Jeħtieġ li nibqgħu impenjati lejn il-ħarsien tal-wirt naturali tagħna. Dan iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni tal-fawna selvaġġa mhuwiex biss bini b’tagħmir speċjalizzat. Hija esperjenza ambjentali ħolistika li tgħaqqad tfal u adulti minn kull qasam tal-ħajja lejn għan komuni. Ejja nkomplu naħdmu flimkien lejn futur aktar sostenibbli,” qalet Miriam Dalli, filwaqt li rringrazzjat lil Nature Trust, Ambjent Malta u lis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej għar-rwoli ċentrali tagħhom biex dan il-proġett trasformattiv jitwettaq.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza l-importanza li jsir investiment fil-ħarsien ambjentali biex jittaffew l-impatti tat-tibdil fil-klima u tiġi ppreservata l-bijodiversità. Huwa spjega li l-fondi Ewropej jappoġġaw proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini, jippromwovu l-inklużjoni soċjali, u jsaħħu l-wirt kulturali tar-reġjuni.
“Iċ-Ċentru għar-Riabilitazzjoni fi Xrobb l-Għaġin jagħti eżempju tal-viżjoni li għandu dan il-gvern fil-qasam ambjentali. B’valur totali tal-proġett ta’ €2.5 miljun, b’€1.6 miljun minn fondi Ewropej, dan iċ-ċentru se jservi ta’ refuġju għall-annimali midrubin, simbolu ta’ konservazzjoni ambjentali u eżempju ta’ investiment fuq futur kollettiv. Futur kollettiv fejn l-ekonomija, l-ambjent u l-benesseri soċjali jaħdmu lkoll id f’id,” temm jgħid Dr Bonett.
Waqt l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll individwi oħra li appoġġaw dan il-proġett.
Il-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin issa se jkun miftuħ kuljum mit-8am sal-5pm.