Għaddew tletin sena mill-ftuħ taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun. Biex jiġi ppjanat, jittella, jiġi finanzjat u jitlesta kellu jkun hemm ħafna taħbit u ħidma minn numru kbir ta’ persuni li emmnu fil-proġett u stinkaw għalih. Uħud minnhom m’għadhomx magħna imma jixirqilhom kollha li jitfakkru. Jien li kont fosthom naf kif mingħajr s-sehem u l-ħidma tagħhom kollha ma konniex naslu.
Naħseb li kollox ma’ kollox laħaq l-għan tiegħu li jipprovdi – kif jgħid ismu – ċentru minn fejn fuq bażi nazzjonali, il-Partit Laburista jista’ jilħaq u jintlaħaq miċ-ċittadini kollha. Barra wkoll millli jipprovdi l-ispazju fejn il-Partit jista’ jorganizza u jippjana b’mod modern l-attivitajiet tiegħu.
L-oġġezzjonijiet li tqanqlu waqt li tela’ l-proġett llum jidhru strambi: mhux se jingħoġob; kbir wisq; mhux se jinstabu riżorsi biex jinbena – biex jitmexxa; qrib wisq tas-sede tal-PN li se jipprovoka vjolenza … Xejn minn dan ma seħħ.
PAPA AMERIKAN
Sa mill-ewwel mument tal-elezzjoni tiegħu, il-Papa Ljun XIV tpoġġa f’kuntrast mal-President Amerikan Trump, bħala karattru u dwar il-valuri u l-fehmiet li jappoġġja. Il-Papa hu mistenni jagħti xhieda tal-aspetti “ġentili” u “umanitarji” tar-realtà Amerikana f’paragun mal-bixriet “koroh” li jesponi Trump.
Teżisti ċerta verità f’din il-preżentazzjoni. Biss lanqas ma wieħed għandu jqis lill-Papa personalment bħala xi paladin tal-valuri liberali kif mifhuma fl-Ewropa. Fil-verità kemm hu u kemm Trump bl-aġir tagħhom jagħtu xhieda tal-firxa ta’ valuri u twemmin li jeżistu fl-Istati Uniti bla ma jkopruhom kollha. Fosthom insibu: l-iżolazzjoniżmu; il-ftuħ lejn il-barranin u/jew il-biża/suspetti fihom; il-liberaliżmu ekonomiku u soċjali – u l-antiteżi tiegħu, anki mwassal sal-marksiżmu; ir-reverenza lejn il-flus u l-profitti; l-istinti favur il-ġustizzja soċjali u l-irbit tal-familja; il-laxkezza sesswali u l-puritaniżmu strett…
Fuq l-ebda persuna Amerikana waħidha mhu possibbli li tipproġetta dehra kompleta tar-realtà Amerikana.
TRAŻŻIN EKONOMIKU
Jidher li ħafna qed jaqblu mal-fehma li t-tkabbir ekonomiku li qed iġarrab il-pajjiż jeħtieġ ikompli imma jkun jaqbel jekk ir-rata titrażżan fiż-żmien li ġej. Dan biex ma jkunx hemm wisq serħan (kif qed jiġri bħalissa) fuq fatturi li jistgħu ma jkunux sostenibbli, bħar-riżorsi umani minn barra, infrastruttura fiżika u ambjent li jinsabu taħt pressjoni akuta, inċentivi li qed joħolqu żbilanċi soċjali…
Li m tantx tisma’ huma fehmiet ċari dwar kif l-aħjar jista’ jitwettaq dan it-trażżin. Ovvja li jekk jitwettaq, mhux se jingħoġob minn diversi forzi, uħud vestiti, oħrajn popolari. Il-politikanti jifhmu kif il-fattur tal-feelgood żgur ikollu jintmess. U n-negozjanti bl-għaqdiet tagħhom jifhmu wkoll kif il-marġini li fihom jistgħu jintlaħqu profitti faċli se jidjiequ.