Friday, November 22, 2024

Ċentru tas-saħħa rinovat f’Birkirkara b’investiment ta’ €1.1 miljun

Aqra wkoll

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu wara li tlesta proġett ta’ rinovazzjoni u mmodernizzar sabiex minbarra li joffri ambjent isbaħ u iżjed modern għall-klijenti, ikunu offruti iktar servizzi ta’ kura primarja lir-residenti ta’ Birkirkara u tal-madwar.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar il-proġett li sar b’investiment ta’ €1.1 miljun mill-Fond Soċjali Nazzjonali għall-Iżvilupp (NDSF) u li minnu se jibbenefikaw mal-35,000 resident mill-akkwati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.

Dan iċ-ċentru tas-saħħa se joffri 21 servizz ta’ kura primarja, li minnhom sitta huma kompletament ġodda għal dan iċ-ċentru, li jinkludu: klinika tat-tabib tal-familja bl-appuntament, żieda fis-servizzi tal-kura tal-għajnejn (optometrija u ortottika), il-klinika tat-trabi, is-servizzi ta’ ħaddiema soċjali, ta’ dietician u ta’ nutritionist.

“L-investiment kontinwu fis-servizzi tas-saħħa primarja għandu l-għan li jtejjeb il-livell tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi għaliex b’iżjed servizzi fil-komunità hemm il-possibilità li dak li jkun jieħu iżjed ħsieb saħħtu, b’kura tal-aqwa livell u bla ħlas,” qal id-Deputat Prim Ministru waqt l-inawgurazzjoni.

Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa Primarja, immexxija mill-Kap Eżekuttiv Roseanne Camilleri, tal-ħidma li qed issir f’diversi lokalitajiet sabiex jiġu rinovati l-kliniċi eżistenti jew sabiex jinfetħu kliniċi f’żoni ġodda.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne semma li fix-xhur li ġejjin mistennija jkunu inawgurati numru ta’ kliniċi fil-komunità madwar Malta u Għawdex li jinsabu fi stadju avvanzat ta’ xogħlijiet, fost oħrajn fil-Qala, fis-Siġġiewi, f’Birżebbuġa u f’Ħad-Dingli.

1 kumment

  1. Prosit lill Agius Saliba tax xoghol li jaghmel fli EU ghall gid ta Malta.Wkoll ghal membri lohra tal Pl li jahdmu qatieh ghall pajjizna.

Comments are closed.

Sport