Sunday, December 22, 2024

Ċerimonja ta’ rikonoxximent għall-uffiċjali tal-Pulizija

Aqra wkoll

Il-Ministru Byron Camilleri attenda għal ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana fejn matulha ġew rikonoxxuti diversi uffiċjali tal-pulizija.

Fil-fatt, matul din iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti dawk il-pulizija li marru lil hinn mis-servizz tagħhom, b’uħud anke waqt li ma kinux xogħol u f’sitwazzjonijiet li kien jeħtieġ l-intervent tagħhom biex ġew salvati l-ħajjiet.

Waqt din iċ-ċerimonja ngħata wkoll il-Premju Ħaddiem tas-Sena, li mar għand PS Jessica Degiorgio, u l-Premju għat-Tim tas-Sena, li ngħata lil 51 uffiċjal fi ħdan is-sezzjoni tal-Pulizija tal-Komunità.

Ritratt: Clifton Fenech

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Intern stqarr kemm huwa kburi b’dawn il-membri tal-Korp, bl-istess mod li huwa ċert li anke l-pajjiż kollu qed iħossu hekk grazzi għall-ħidma li jwettqu. “Il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, it-tfal, jistgħu jserrħu rashom li se jsibu min iħarishom, min jipproteġihom u jagħmlu dan mingħajr ma joqogħdu jgħidu, le dak mhux xogħli jew ħini spiċċa,” qal il-Ministru Camilleri.

Dr Camilleri qal li, għall-pulizija, li tilbes l-uniformi hija vokazzjoni, l-istess bħal ma hi vokazzjoni li infermier idur bil-pazjenti jew li għalliem jgħallem lill-istudenti tiegħu.

“Fost dawk il-pulizija li llum qed jirċievu dan l-apprezzament hemm ħafna u ħafna stejjer li qatt ma konna smajna bihom. Saru fis-silenzju. Mingħajr l-attenzjoni fuq il-mezzi tax-xandir. Mingħajr pressjonijiet u daqq ta’ trombi. Dawn huma stejjer ta’ pulizija li salvaw il-ħajjiet, uħud minnhom meta lanqas biss kienu on-duty,” sostna il-Ministru Camilleri.

Fl-aħħarnett, il-Ministru saħaq li huwa kien ċert li l-poplu Malti u Għawdxi japprezza ħafna x-xogħol li huma jagħmlu u dan nistgħu narawh ta’ kuljum.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li tal-lum hija festa fejn fiha qed tkun iċċelebrata u rikonoxxuta l-lealtà u d-dedikazzjoni ta’ membri dedikati u motivati tal-Korp li ma jaħsbuhiex darbtejn biex joħorġu barra minn triqthom biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor.

“Matul is-sena 2021 solvejna reati kumplessi u serji, imma kienet sena fejn komplejna nesperjenzaw tnaqqis radikali f’ċertu oqsma bħalma huma s-serq u l-arsons, filwaqt li saħħaħna ħidmietna fil-qabdiet tad-drogi, fl-infurzar tal-immigrazzjoni kif ukoll f’reati kumplessi bħalma huma dawk finanzjarji, l-aktar dawk ta’ ħasil ta’ flus. U r-riżultati miksuba mill-membri tal-Korp kienu kruċjali sabiex pajjiżna seta’ joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF fi żmien rekord,” tenna l-Kummissarju, filwaqt li temm jgħid li fl-istess ħin li sar dan kompliet tiġi msaħħa l-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp, element tant neċessarju għall-ħidma tagħhom fis-soċjetà Maltija.

Ekonomija

Sport